Sal-bidu ta’ Settemrbu ntużaw aktar min 1,290,000 voucher ta’ €100 tal-gvern minn 2.23 miljun voucher li nqasmu. Dan ifisser li din il-miżura biss tefgħet €25.8 miljun fl-ekonomija lokali, hekk kif s’issa ntużaw 57.8% tal-vouchers imqassma.
F’analiżi li ta l-Ministru għall-Ekonomija Silvio Schembri, ġie spjegat li aktar minn tnejn u tmenin fil-mija (82.62%) tal-vouchers il-ħomor ġew użati s’issa, filwaqt li ftit aktar minn sbatax fil-mija (17.38%) tal-vouchers il-blu ġew użati wkoll.
Il-Ministru Schembri spjega wkoll li bil-vouchers li ħareġ il-Gvern, l-ekonomija kapaċi tara injezzjoni diretta li taqbeż l-€44.6 miljun, iżda l-effett multipliku ġġenerat mill-vouchers huwa akbar.
Jekk wieħed iħares lejn il-mod kif s’sissa ntużaw il-vouchers il-ħomor, jara li għal kull €20 voucher kien hemm spiża żejda ta’ €7.16, u għal kull voucher blu użat, kien hemm spiża addizjonali ta’ €16.42. Dan ifisser li l-injezzjoni ekonomika b’kollox, inkluż il-VAT, hija ta’ €37.3 miljun sal-bidu ta’ Settembru.
Kien spjegat ukoll li nhar it-8 ta’ Awwissu intuża l-akbar ammont ta’ vouchers, u nhar ta’ Sibt qed jissarfu medja ta’ 46,000 voucher. Fost l-istabbilimenti l-aktar popolari s’issa fejn wieħed qed juża l-vouchers, hemm postijiet ta’ akkomodazzjoni tal-erba’ stilel, ristoranti popolari, u ħwienet ta’ ditti rinomati.
Stanley Mifsud, il-Kap Eżekuttiv Uffiċjali ta’ Mimcol, spjega wkoll li ħafna negozji marru pass oltre minn jeddhom biex jattiraw aktar klijenti. Fl-istess ħin, qalilna li r-rispons min-naħa tas-sidien tan-negozji kien wieħed inkoraġġanti, għaliex “dak li jkun ikompli juri s-sens intraprenditorjali biex jattira aktar klijenti lejn in-negozju tiegħu”.
5,616 ħanut qed jaċċettaa l-vouchers bħalissa, bil-maġġoranza jkunu ħwienet ta’ servizzi li għalqu għal xi żmien minħabba l-pandemija. Isegwuhom hemm lukandi, ristoranti u skejjel tal-għadis, u numru ta’ stabbilimenti jaċċettaw iż-żewġ tipi ta’ vouchers.
Keith Abela, konsulent fi ħdan il-Ministeru għall-Ekonomija, qal li kważi r-residenti Maltin kollha ġabru l-voucher tagħom. 61.6% ta’ residenti f’Malta ġejjin minn pajjiżi tal-Unjoni Ewropea wkoll ġabru l-vouchers tagħhom, flimkien ma’ 79.4% tar-residenti f’Malta ġejjin minn barra mill-Unjoni Ewropea. Madanakollu, għad fadal mal-40,000 voucher x’jinġabru. Abela saħaq li dawk li għandhom bżonn aktar għajnuna jistgħu jikkuntattjaw lill-Mimcol u jingħataw direzzjoni dwar kif għandhom jiġrbu l-vouchers tagħhom.
Mistoqsi dwar il-pożizzjoni tal-Gvern wara n-nefqa ġenerali sostanzjali biex itaffi l-impatti kollha tall-Covid-19, il-Ministru Silvio Schembri qal li l-Gvern għadu u se jkun f’pożizzjoni li jibqa’ jagħti l-għajnuna li għandu bżonn minkejja n-nefqa ta’ miljuni kbar fil-miżuri li tħabbru s’issa.
Il-Ministru Schembri assigura li “bil-mod kif qed naħdmu, se nkunu f’pożizzjoni biex l-ewwelnett ma nieqfux nofs triq u allura f’din il-pandemija li se ttul ftit aktar se jkollna ftit nifs. Però mhux se nduru fuq il-poplu u ngħabbuh b’aktar taxxi. Il-baġit li ġej ukoll irid ikun wieħed ta’ espansjoni biex inkomplu ngħinu l-familji u nistimulaw l-ekonomija biex intejbu l-livell ta’ għajxien tal-poplu Malti u Għawdxi”.
Negozji jew anke persuni li għad għandhom bżonn l-għajnuna dwar dan jistgħu jikkuntattjaw il-Mimcol fuq numri apposta għan-negozji jew konsumaturi:
Negozji: 80074950 / business@vouchersmimcol.com
Konsumaturi : 80074904 / consumers@vouchersmimcol.com