Sal-aħħar tax-xahar mistenni jkun lest ix-xogħol ta’ bini u infrastruttura fuq iċ-Ċentru tas-Saħħa l-ġdid f’Ħal Kirkop.
Dan biex wara jiġi nstallat l-apparat mediku u tiddaħħal l-għamara ħalli f’Settembru jibda jilqa’ l-pażjenti.
Fi żjara fuq il-post, il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi, Carmen Ciantar, spjegat ma’ ONE News ix-xogħol li kien għaddej fl-aħħar xhur.
“Bdejna ninstallaw id-dawl, l-ilma, id-drainage u bħalissa qegħdin fil-final stages biex inlestu dan il-proġett fejn qed ngħalqu s-suffetti u ninstallaw il-bibien ta’ ġewwa u ta’ barra għax il-pjan huwa li sal-aħħar ta’ Mejju din il-binja tkun lesta.”
Bejn Ġunju u Settembru, il-priorità se tkun it-taħriġ lill-ħaddiema.
Ciantar spjegat li l-Fondazzjoni ħadmet b’sinerġija mal-Kura Primarja biex ikunu jistgħu jiġu segwiti r-rekwiżiti neċessarji bil-għan li dan iċ-Ċentru, bħal oħrajn, ikun wieħed tal-ogħla livell.
Iċ-Ċentru ta’ Ħal Kirkop se jkun it-tielet ċentru tas-saħħa f’pajjiżna, flimkien ma’ dawk tal-Mosta u Raħal Ġdid, li se jkollu servizz t’ambulanza.
Fl-ewwel sular, fejn hemm id-daħla ewlenija, se jkun hemm treatment rooms u breastfeeding clinic.
Fit-tieni sular se jkun hemm kmamar b’servizzi ta’ podjatrija, fiżjoterapija, oftalmoloġija, klinika tad-dijabete u ieħor b’servizzi ta’ saħħa mentali u speech therapy.
Ciantar qalet li l-akbar biċċa xogħol f’dan il-proġett kien it-tielet sular, li qabel kien iservi bħala bejt u li kellu jinbena mill-ġdid.
“Fit-tielet sular għandna kmamar fejn ħa nużawhom bħala stores, kamra oħra se nużawha staff room u żewġ kmamar oħra se jkunu changing rooms għall-irġiel u n-nisa u toilet facilities. Se jkun hemm ukoll post li se nużawh għall-generator biex ovvjament jekk xi darba nispiċċaw mingħajr dawl, is-sistema taqleb mal-ewwel fuq generator u ma jkunx hemm loss of activity.”
Mifruxa fuq ħames mitt metru kwadru, dan iċ-ċentru se jilqa’ pazjenti minn Ħal Kirkop, miż-Żurrieq, mill-Imqabba, mill-Qrendi, minn Ħal Safi, minn Ħal Luqa u Ħal Farruġ u minn Ħal Far; li jamontaw għal madwar tmienja u għoxrin elf persuna li sa issa għadhom qed jirrikorru fiċ-Ċentru tal-Furjana.
Biex b’investiment ta’ €800,000 u f’inqas minn sena, se tkun twettqet wegħda ewlenija oħra fil-Manifest Elettorali tal-Partit Laburista.