Ix-Xlukkajri u residenti f’lokalitajiet tal-madwar ser ikollhom l-opportunità li jirċievu l-kura primarja tagħhom minn berġa tas-saħħa ġdida f’Marsaxlokk.
Fost is-servizzi li ser joffri dan iċ-ċentru hemm dawk ta’ tobba, podjatrija, fiżjoterapija u kura għas-saħħa mentali fost oħrajn.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Kura għas-Saħħa Primarja, Roseanne Camilleri, spjegat li din il-berġa ser toffri lill-komunità selezzjoni wiesa’ ta’ servizzi bil-għan li jkunu aktar viċin il-komunità.
Camilleri saħqet, “Se jkun hawn is-servizz tat-tabib u tan-ners, tan-nutritionist u physiotherapy. Se jkun hawn ukoll il-Mental Wellbeing u l-podiatry flimkien u ukoll mal-speech and language pathology. Dawn l-ewwel seba’ servizzi li se nibdew bihom. ‘Il quddiem ukoll ikun hemm, għandna l-ħsieb ukoll li nżidu ma’ dawn is-servizzi.”
Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne esprima s-sodisfazzjon tiegħu għas-sejba ta’ sit ideali wara tliet snin li tfittxija għal art li minnha tkun tista’ tingħata kura lin-nies.
Hu saħaq li sat-tmiem din is-sena, il-berġa se tkun qed tagħti servizz fejn in-nies se jibbenefikaw minn numru ta’ servizzi f’ambjent xieraq.
Il-Ministru Fearne stqarr, “Hawnhekk ġewwa Marsaxlokk ħa jkollna berġa moderna, berġa ġdida. Berġa li ħa tilqa’ ġo fiha numru kbir ta’ servizzi. Dan qed nagħmluh b’kollaborazzjoni mal-NDSF kif ukoll mal-Università ta’ Malta billi flimkien qed nagħmlu dan il-proġett biex ir-residenti ta’ Marsaxlokk u n-nies ta’ madwar se jkollhom berġa fil-komunità tagħhom li tkun tista’ tagħti servizzi tas-saħħa viċin tad-dar tagħhom.”
Iċ-ċentru tas-Saħħa ser jinbena fuq art li kienet oriġinarjament propjetà tal-Università ta’ Malta u ser tingħata lit-tim ta’ Kura għas-Saħħa Primarja wara ftehim li ntlaħaq ix-xahar li għadda.