Sal-aħħar tas-sena se tkun telgħet l-ewwel binja taċ-Ċentru tas-Saħħa Reġjonali Ċensu Moran f’Raħal Ġdid. Ix-xogħol fuqu issa daħal fid-disa’ xahar tiegħu, u issa mistenni jibda xogħol ta’ skavar, wara li ġew aġġustati d-disinji tal-binja sabiex ikunu ppreservati żoni sensittivi li nstabu wara li bdew ix-xogħlijiet. Dawn jinkludu xelter ta’ żmien it-Tieni Gwerra Dinija u ġibjun tal-ilma.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi, Carmen Ciantar spjegat li l-proġett qed isir fuq medda ta’ 40 tomna art, u li l-Fondazzjoni ħadmet id f’id mas-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali biex il-wirt storiku li nstab jiġi preservat filwaqt li x-xogħlijiet jibqgħu għaddejjin mingħajr ma ssir ħsara lis-sejbiet arkeoloġiċi.
“Bħalissa qed nagħmlu xogħlijiet ta’ infurzar tal-ħajt, qed naħsbu li aktar tard dan ix-xahr nibdew it-tħaffir. Il-ħsieb hu li sa’ Settembru jkollna l-ewwel livell fejn se jkun hemm il-plant room imsaqqaf.”
Waqt żjara fuq il-post, id-Deputat Prim Ministru u l-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal li dan iċ-ċentru se jkun mgħammar b’tagħmir tal-ogħla livell biex ikunu offruti aktar minn 25 servizz lil madwar 205,000 persuna li jgħixu fin-naħa ta’ isfel ta’ Malta. Dan se jwassal biex jitħaffef il-piż fuq l-Isptar Mater Dei, fid-dawl li se jkunu qed isiru saħansitra operazzjonijiet ħfief fiċ-ċentru stess.
“Dan iffisser li fi żmien sentejn din in-naħa tal-pajjiż se jkollha ċentru tas-saħħa mgħammar bl-aqwa tagħmir biex jipprovdi l-aqwa servizzi liċ-ċittadini ta’ din in-naħa ta’ Malta.”
Id-Deputat Prim Ministru kien akkumpanjat mis-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi, li sostna li permezz ta’ dan l-investiment ta’ tlieta u tletin miljun ewro, dan iċ-ċentru tas-saħħa se jkun qed itejjeb il-livell ta’ għajxien tan-nies.