Bħalissa qed jiġu installati seabins ġodda f’portijiet Maltin, bl-ewwel seabin li diġà ġie installat fil-port tal-Birgu. Dan tħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet fil-Birgu. B’kollox s’issa ġew approvati u ffinanzjati 9 seabins ġodda. Dawn se jkunu fil-Pietà, f’San Ġiljan, fil-Birgu, fl-Imsida, f’Marsaxlokk, f’Marsaskala, f’Ta’ Xbiex, fil-Kalkara u fil-Gżira. Barra minn hekk hemm 9 seabins oħra li l-post għalihom għad irid jiġi determinat. Dawn is-seabins qed jiġu ffinanzjati minn entitajiet privati fosthom il-kumpanija Norwex li kkommettiet ruħha għal 10 seabins, fosthom dan tal-Birgu. Il-kumpanija Strand Marine and Auto Systems Ltd qed tieħu ħsieb il-loġistika kollha filwaqt li l-eNGO Żibel qed tieħu ħsieb l-aspett edukattiv.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali u Komunitajiet Silvio Parnis qal li l-gvern preżenti huwa impenjat li jara li llum ikollna pajjiż iżjed nadif mill-bieraħ. Huwa għalhekk li fost inizjattivi oħra nemmnu li l-installazzjoni ta’ dawn is-seabins hija meħtieġa, għaliex dawn jipprovdu soluzzjoni ħolistika għat-tnaqqis tal-iskart mill-baħar u għat-tnaqqis tal-ħsara li dan qed jagħmel lill-ekosistema marittima. Is-Segretarju Parlamentari għalaq billi rringrazzja lil dawk kollha involuti f’din l-inizjattiva.
Is-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet tal-Konsumatur, Indafa Pubblika u s-Sostenn tal-Belt Kapitali Deo Debattista tkellem dwar l-importanza tal-indafa mhux biss fuq l-art iżda wkoll fil-baħar. Huwa spjega kif dawn is-seabins jikkonfermaw l-importanza li dan il-gvern qed jagħti lill-indafa u lill-upkeep f’pajjiżna. Id-Diviżjoni għat-Tindif u Manutenzjoni se tidħol f’arranġament mal-eNGO Żibel biex jitbattlu s-seabins u ssir il-manutenzjoni li jista’ jkollhom bżonn. Deo Debattista żied li żewġ ħaddiema se jkunu assenjati ma’ dan il-proġett. “Bħala diviżjoni se nkunu qed inżommu statistika dettaljata ta’ kemm jinġabar skart u x’tip ta’ skart ikun biex b’hekk inkunu nistgħu nifhmu aħjar is-sitwazzjoni tal-indafa fil-baħar f’pajjiżna” qal is-Segretarju Parlamentari Debattista. Huwa kkonkluda billi ħeġġeġ lill-poplu Malti u Għawdxi biex josserva l-liġijiet u r-regolamenti tal-iskart għax fl-aħħar mill-aħħar skart mormi bl-addoċċ u barra fit-toroq jispiċċa fl-ibħra tagħna.