Il-proġett ta’ ħdax-il miljun ewro li se jwassal għall-ewwel reverse osmosis f’Għawdex huwa sebgħin fil-mija lest, hekk kif ix-xogħlijiet daħlu fil-fażi finali.
Dan ifisser li sal-aħħar tas-sena jibda jissuplixxi l-ilma lil Għawdex.
Fi żjara fuq il-post fil-Qala, il-Ministru għall-Enerġija u l-Iżvilupp Sostenibbli Miriam Dalli, tkellmet fuq l-effiċjenza li dan il-porġett se joffri lill-gżira Għawdxija.
Il-Ministru Dalli stqarret: “Fil-fatt dan il-proġett ser ikun qed jaċċerta ruħu li jkollna għoxrin fil-mija konsum tal-enerġija anqas minn proġetti oħra tat-tip tiegħu.”
Il-Ministru għal Għawdex, Clint Camilleri nnota kif grazzi għal dan il-proġett, Għawdex se jkollu l-ilma kollu provdut minn dan ir-reverse osmosis.
Huwa qal,“Sabiex fl-aħħar mill-aħħar nissuplixxu l-ilma kollu ta’ Għawdex propju mill-gżira Għawdxija.”
Is-Segretarju Parlamentari għall-fondi Ewropej, Stefan Zrinzo Azzopardi qal kif dan il-proġett huwa eżempju ieħor ta’ kif Fondi Ewropej qed iħallu impatt pożittiv fil-ħajja tan-nies.
Hu sostna: “Dan huwa proġett ieħor li ser jilħaq diversi għanijiet illi żgur qegħdin naraw investiment pożittiv ieħor permezz ta’ fondi Ewropej.”
Il-Kap Eżekuttiv tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, Ivan Falzon qal li l-proġett huwa tal-aħħar teknoloġija u qiegħed jibdel kompletament sit abbandunat.
Falzon spjega: “Barra t-teknoloġija tal-ogħla livell li qegħdin nintroduċu fil-produzzjoni tal-ilma huwa l-fatt li qegħdin nużaw riżorsa li qabel ma kinitx użata. Binja li kienet abbandunata għal iżjed minn tletin sena.”
Dan il-proġett se jilħaq ukoll mira importanti stabbilita min-Nazzjonijiet Magħquda dwar l-aċċess għall-ilma.