Sal-aħħar ta’ din il-ġimgħa l-Gvern se jħabbar aktar skemi ekonomiċi biex jgħinu lin-negozji u lil dawk li jaħdmu għal rashom.
Dan ħabbru l-Ministru għall-Ekonomija Silvio Schembri f’messaġġ li għamel fuq il-midja soċjali b’rabta mal-aħħar żviluppi dwar il-Coronavirus u li qed iħallu impatt ekonomiku f’pajjiżna u mal-erba’ t’irjieħ tad-dinja.
Filwaqt li fakkar f’miżuri li ħabbar il-Prim Ministru Robert Abela fosthom il-posponiment tal-ħlas tal-kontijiet li jiġu dovuti fix-xahar ta’ Marzu u April u l-ħlas tal-bolla, il-Ministru Schembri qal li l-miżuri li se jitħabbru huma intiżi biex jissalvagwardjaw l-impjiegi.
“Ma naqbilx li għax il-Gvern ġemma’ sitt mitt miljun ewro mill-programm ta’ ċittadinanza b’investiment, allura għandna nużaw dawn biex jagħmlu tajjeb għat-telf tan-negozji tagħna”, saħaq il-Ministru għall-Ekonomija.
Saħaq li jkun immatur ħafna li għax ikollok il-flus imġemmgħin taqbad tonfoq il-flus bl-addoċċ mal-ewwel għawġ li jfeġġ.
“Nafu x’qed nagħmlu u se nagħmlu dak kollu possibbli biex inkunu ta’ spalla għan-negozji”, saħaq il-Ministru Silvio Schembri.
Qal li ma jistax ikun li meta għamilna żmien twil sejrin tajjeb, in-negozjant żamm il-profitti kollha u issa jaqlaha l-ħaddiem.
Spjega kif kulħadd irid jerfa’ parti mill-piż u l-ħaddiema jridu jkunu flessibbli u jaħdmu id f’id ma’ min iħaddimhom.
Il-Ministru appella wkoll lin-negozji biex dawn jużaw iż-żmien ta’ bħalissa biex jinvestu fl-infrastruttura tal-operat tagħhom.
“Issa tistgħu tagħmlu ċertu xogħol li qabel ma stajtux tagħmlu għaliex kontu bla nifs. Użaw dan iż-żmien tajjeb”, qal il-Ministru Silvio Schembri li saħaq li jħares ‘il quddiem li dan il-perjodu li laqat lid-dinja kollha, jgħaddi wkoll u pajjiżna jerġa’ jaqbad ir-ritmu li kellu qabel.