Andament ferm pożittiv għall-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, hekk kif qed jiġu rreġistrati numri ferm għoljin u pożittivi fejn jidħol it-traffiku ta’ passiġġieri.
Dan ħabbru f’konferenza tal-aħbarijiet il-Kap Eżekuttiv tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, Alan Borg, fejn ta l-aħħar aġġornament dwar l-andament fl-ajruport.
Huwa żvela kif minn Jannar sa Ġunju ta’ din is-sena, l-Ajurpot Malti ra żewġ miljun, tliet mija u ħamsa u erbgħin elf, mitejn u sitta u disgħin passiġġier. Dan filwaqt li sal-aħħar ta’ din is-sena mistenni jgħaddu mill-Ajruport ħames miljun u erba’ mitt elf passiġġier.
Fl-aġġornament intqal kif f’Ġunju ta’ din is-sena, is-suq Taljan, anke meta wieħed iqabbel mal-istess xahar fl-2019, ra żieda ta’ 5%, iġifieri aktar minn mija u tnejn u erbgħin elf passiġġier. Franza wkoll rat żieda ta’ tnejn u tletin fil-mija, fejn ġew irreġistrati kważi sittin elf passiġġier.
Meta wieħed iħares lejn il-linji tal-ajru, jara kif ir-Ryan Air f’Ġunju ġarret kważi mitejn u erbgħa u sittin elf passiġġier, li fissret ħamsa fil-mija aktar mill-istess xahar tal-2019. Min-naħa l-oħra l-linja Nazzjonali Maltija, l-Air Malta, f’Ġunju ġarret kważi mija u sebgħa u erbgħin elf passiġġier.
L-aktar ħames swieq popolari f’Ġunju kienu Londra, Frankfurt, Katanja, Manchester u Munich. B’tal-aħħar rat żieda ta’ tmienja fil-mija mis-sena elfejn u dsataxu b’wieħed u għoxrin elf, sitt mija u disgħa u tletin passiġġier.
Għall-iskeda tas-sajf l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta qed jara dsatax-il linja tal-ajru. Fosthom hemm ir-Ryan Air u Malta Air b’aktar minn sittin destinazzjoni, l-Air Malta b’aktar minn tmitax-il rotta, Jet2.com bi tmien destinazzjonijiet, l-Easy Jet b’ ħames destinazzjonijiet u l-Wizz Air bi tmien destinazzjonijiet.