Sat-Tlieta waranofsinhar kienu diġà tlaqqmu kontra l-COVID-19 aktar minn tletin elf persuna.
Dan ħabbru d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne waqt li kien qed iwieġeb għall-mistoqsijiet parlamentari fis-seduta tat-Tlieta filgħaxija fil-Kamra tar-Rappreżentanti.
Spjega kif Malta għadha l-aktar pajjiż fl-Unjoni Ewropea li laqqmet nies kontra l-virus.
Huwa qal, “Tajna ’l fuq ġewwa pajjiżna minn 30,000 doża tal-vaċċin tal-COVID. 5,000 minnhom ħadu t-tieni doża. Għandna pjanat, jiġifieri bħalissa qegħdin nagħtu madwar 1,300 kuljum, il-pjan hu li sal-aħħar ta’ din il-ġimgħa nitilgħu bin-numru ta’ tilqim għal 2,500 doża kuljum.”
Il-Ministru għas-Saħħa spjega li biex ikompli jitħaffef il-proċess tat-tilqim f’pajjiżna, b’mod speċjali meta jibda jitlaqqam il-poplu inġenerali, il-Gvern se jkun qed joħroġ proċess biex it-tilqim jibda jsir ukoll mit-tobba tal-familja.
Id-Deputat Prim Ministru sostna: “Ħa nkunu qegħdin nipproponu li naħdmu mat-tobba tal-familja fil-komunità biex dawk it-tobba tal-familja li jkunu jixtiequ li jagħtu t-tilqima tal-COVID huma lill-pazjenti tagħhom, naturalment bi ftehim magħna u b’osservanza ta’ standards għoljin u billi dejjem inżommu record qawwi tad-data li qiegħda tinġabar inkunu nistgħu nagħmlu dan mat-tobba tal-familja.”
Fil-Parlament, id-Deputat Prim Ministru qal li mill-Erbgħa se jibdew jitlaqqmu l-persuni li jkollhom bżonn isiefru għal trattament mediku.
Id-Deputat Prim Ministru tenna: “Minn għada ħa nibdew ukoll noffru t-tilqima lil dawk il-pazjenti li jkunu ħa jsiefru għal trattament barra minn Malta, ta’ kwalunkwe età, naturalment ’il fuq minn 16-il sena, għax taħt is-16-il sena mhix liċenzjata.”
Chris Fearne qal illi skont pariri illi ingħata l-Gvern mill-kumpanija AstraZeneca, il-vaċċin żviluppat minnhom jista’ jingħata lill-persuni ta’ bejn it-18 u l-55 sena.
Saħaq li b’hekk jista’ jiġi aċċellerat il-proċess billi jibdew jitlaqqmu ferm qabel previst dawk li jgħoddu 55 sena jew inqas.
Huwa saħaq: “Sakemm ma jkollniex informazzjoni xjentifika ulterjuri jew differenti ħa nużaw ċertament għall-bidu, issa mbagħad jekk ikun hemm informazzjoni oħra, nemendaw skont dik l-informazzjoni, għal bidu se nużaw il-vaċċin tal-AstraZeneca għal dawk il-persuni residenti Malta ta’ bejn it-18 u l-55 sena.”
Intant Malta żiedet in-numru ta’ dożi mingħand il-kumpanija Moderna minn 170,000 għal 270,000 doża.
B’dan l-ammont ta’ dożi li għandu ordnat pajjiżna, il-poplu Malti u Għawdxi jista’ jitlaqqam darbtejn, u għalhekk jekk f’każ ta’ bżonn għat-tielet doża, pajjiżna diġà huwa mħejji.