Sal-aħħar ta’ Mejju, il-Gvern wettaq 84% tal-wegħdiet imniżżla fil-manifest elettorali tal-2017.
F’konferenza tal-aħbarjiet, il-Ministru fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru, Carmelo Abela sostna kif tul l-aħħar 12-il xahar, il-Gvern wettaq mitt wegħda elettorali filwaqt li ħadem bla waqfien biex pajjiżna jegħleb il-pandemija. Tenna kif mindu tela’ l-Prim Ministru Robert Abela fit-tmun tal-Gvern, tlestew mas-sittax fil-mija tal-proposti elettorali.
Dan kien possbbli permezz ta’ ħidma serja u sistemi ta’ moniteraġġ serji li poġġew il-Gvern f’pożizzjoni li dejjem ikun konxju tal-progress li qiegħed jagħmel u ma jaqax lura f’xogħlu.
Huwa spjega kif dan ir-riżultat huwa wieħed ferm pożittiv, iżda xorta waħda għad-fadal xogħol x’isir.
Il-Ministru Abela stqarr: “Naturalment ninstabu sodisfatti li wara 4 snin, 84% tal-manifest elettorali ġie komplut. Il-ħidma tagħna se tkompli biex sakemm issir elezzjoni ġenerali nkomplu nwettqu l-programm elettorali. Dik hija l-wegħda li aħna tajna lill-pubbliku Malti fil-kampanja elettorali ta’ Ġunju 2017.”
Fost il-mitt wegħda li twettqu tul din is-sena, il-Ministru semma l-proġett infrastrutturali massiċ tal-Marsa Junction, it-tħaddir urban f’diversi lokalitajiet u toroq kif ukoll id-diversi riformi fil-liġijiet f’setturi bħall-kera u l-ġustizzja.
Apparti minn hekk, il-Gvern investa miljuni kbar ta’ ewro fis-settur tas-saħħa hekk kif meta faqqgħet il-pandemija, il-Gvern kien f’pożizzjoni li jagħmel dan permezz tal-ekonomija b’saħħitha li bena matul is-snin.
Il-Ministru tenna li dawn mhumiex biss listi u statistiċi, iżda deċiżjonijiet li jħallu impatt qawwi fil-ħajja ta’ kuljum ta’ bosta Maltin u Għawdxin.