Politika tan-nies, bil-messaġġ tan-nies, min-nies għan nies. Din kienet il-kampanja ta’ Robert Abela għat-tmexxija tal-Partit Laburista, li ġiet fi tmiemha l-Ħamis filgħaxija quddiem folla numeruża f’Raħal Ġdid. Fid-diskors tiegħu, Robert Abela semma kif bħalma f’dawn il-ġimgħat kellu kampanja pożittiva mingħajr messaġġi diviżivi, hekk ukoll irid jibqa’ jmexxi l-partit u l-pajjiż jekk jingħata l-fiduċja. Qal li ma kellux kampanja lesta minn qabel għax baqa’ sal-aħħar sekonda wara Joseph Muscat.
Dr Abela stqarr; “Kampanja li fi ftit jiem bdejnieha mix-xejn, għax jien ma kelli l-ebda kampanja lesta. Jien dejjem bqajt leali sal-aħħar sekonda lejn il-mexxej tal-partit, u qatt ma pparteċipajt f’manuvra biex il-mexxej iwarrab. Bqajt leali lejh sal-aħħar sekonda.”
Robert Abela tenna li bil-kampanja tiegħu, it-tesserati għandhom opportunità storika li jagħżlu huma l-mexxej. Qal li din id-deċiżjoni se tiddetermina min se jkun il-persuna li jwassal l-aħjar il-messaġġ u jirbaħ meta tiġi elezzjoni sentejn u nofs oħra. Qal li emmen fin-nies mill-ewwel jum u ħa jaċċerta li l-għażla għall-mexxej issir mingħajr biża’.
Semma kif hu kien viċin in-nies u l-weġgħat tagħhom, u tenna l-wegħda tiegħu ta’ mediċini b’xejn għal kull pensjonant.
Sostna kif lest jagħmel bidliet kuraġġużi fejn ħaddieħor baqa’ lura fosthom fix-xandir nazzjonali, u qal li jrid isaħħaħ u mhux jagħlaq il-midja tal-Partit Laburista. Hu temm jirringrazzja lil Joseph Muscat u l-familja tal-kontribut enormi li taw lill-partit u lill-pajjiż.