“Bqajt miegħek sal-aħħar għax hekk kienet ix-xewqa tiegħek. Kemm kont sabieħa Jess. Sal-aħħar nifs ta’ ħajtek għallimtni xi tfisser li tiġġieled sal-aħħar.”
Dan kien parti mill-messaġġ ta’ mħabba u rispett li kitbet ħabiba tal-qalb ta’ Jessica Bonello. Tfajla ta’ 23 sena li din il-ġimgħa tilfet il-battalja kontra l-kanċer.
Kienu bosta messaġġi li ħbieb, u qraba xerrdu fuq Facebook biex ifakkru l-memorja ta’ Jessica flimkien mal-aqwa mumenti iżda fost il-messaġġi li ttellgħu l-aktar wieħed li spikka kien ta’ ħabiba tal-qalb li qattgħu bosta ħin flimkien.
Fil-messaġġ tagħha kitbet kif “ftit ilu għidtli li sejra ħdejn ommi. Il-persuna li tant kienet tħobbok hekk kif konna qisna familja. Dħakna u bkejna flimkien u qsamna l-uġigħ tal-qalb imma l-aktar li se ngħożż hu kemm dħakna fil-mumenti diffiċli. Irnexxielna nferrħu lil xulxin, int f’kamartek u jien f’tiegħi nibgħatu selfies tad-daħk lil xulxin.”
Spjegat kif “Dan hu s-sodisfazzjon u t-tgħallima tiegħi llum, li l-ħajja għandha tkompli anke meta konna qed negħrqu, anke meta l-marda kisritna moralment, aħna sfidajniha u bl-umoriżmu tellajna l-moral. Dak li tieħu fil-ħajja – memorji u ritratti li se tibqa’ tfakkar persuna b’qalb tad-dehem u ħabiba ta’ vera. Inħobbok Jess u se nimmisjak ħafna ħafna, imma naf li sejra ħdejn ommi. Għall-inqas moħħi mistrieħ li se tgawdu lil xulxin. Minjaf x’tistennik fil-bieb tal-ġenna biex tagħfsek magħha u tgħidlek ‘Welcome home Jess’. Sakemm nergġħu niltaqgħu, għafas waħda lil ommi għalijja.”