Il-medja ta’ kemm jgħix il-bniedem mistennija tiżdied f’diversi pajjiżi sal-2030 – u mistennija titla’ ‘l fuq minn 90 sena fil-Korea t’Isfel, dan skont riċerka ġdida.
Ir-riċerka analizzat informazzjoni ġdida dwar il-mortalità u l-għomor twil sabiex isiru jafu kif l-għomor mistenni jinbidel f’35 pajjiż industrijali sal-2030.
Fost il-pajjiżi li kienu inklużi f’dan l-istudju hemm l-Istati Uniti, ir-Renju Unit, il-Ġermanja, l-Awstralja u kif ukoll il-Polonja, il-Messiku u r-Repubblika Ċeka.
L-istudju, li ġie ppubblikat f’The Lancet u ffinanzjat mill-Kunsill tar-Riċerka Medika tar-Renju Unit, żvela kif il-pajjiżi li sar l-istudju fuqhom għandhom jistennew żieda fil-medja ta’ kemm jgħix bniedem sal-2030.
Ir-riċerka wriet ukoll li l-Koreani jaf ikollhom l-ogħla żieda minn madwar id-dinja fl-2030.
It-tim ta’ riċerkaturi bassru li raġel ta’ 65 sena li jgħix fir-Renju Unit fl-2030, jista’ jistenna li jgħix 20.9 sena oħra, filwaqt li mara tal-istess età għandha tistenna li tgħix 22.7 sena iktar.
Intqal ukoll li filwaqt li fil-passat l-irġiel kienu jgħixu ferm inqas minn nisa minħabba l-mod ta’ kif jgħixu ħajjithom, dan kollu qed jinbidel hekk kif id-differenza fl-età medja ta’ kemm jgħix raġel qed toqrob l-età medja tan-nisa.