Il-mediċini kollha stabbiliti fil-qasam tal-kanċer se jiddaħħlu kollha fil-formularju tal-Gvern sal-2019. Dan qalu l-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne, waqt il-Kumitat Permanenti Parlamentari għas-Saħħa.
Il-Ministru Fearne qal li minn din is-sena diġa bdew jidħlu mediċini ġodda għall-kanċer u dan il-pjan se jibqa’ għaddejj biex sal-2019 jkunu ddaħħlu l-mediċini kollha stabbiliti fil-qasam tal-onkoloġija.
“Din is-sena għall-ewwel darba il-Gvern ivvotta €3 miljuni fil-baġit għas-saħħa biex propju jintużaw biex jiddaħħlu mediċini ġodda għall-kanċer,” qal il-Ministru Fearne.
Il-Capecitabine hija waħda mill-mediċini li iddaħħlet għall-ewwel darba fil-formularju fl-2015, b’66 pazjent jinħarġilhom permess għaliha fl-2016. Sal-bidu ta’ din is-sena l-mediċina kienet qed tintuża għall-pazjenti li għandhom kanċer fil-musrana.
Minn Frar li għadda din il-mediċina bdiet tintuża wkoll għall-pazjenti b’kanċer tal-istonku, tal-fwied, tal-frixa u tas-sider. Dan se jwassal biex madwar 200 pazjent kull sena jibbenifika minn din il-mediċina.
Fil-ġimgħat li ġejjin ukoll se tiddaħħal sistema ġdida biex ikun trattat il-kanċer tal-urinary bladder. Din is-sistema l-ġdida tinvolvi l-użu ta’ Mitomycin C f’doża ġdida fuq il-formularju tal-Gvern, kif ukoll appart u aċċessorji ġodda. Mediċina oħra li se tiddaħħal hija d-Doxorubicin li hija mediċina għall-kanċer avvanzat fil-fwied.
Ir-raba’ mediċina li wkoll se tiddaħħal din is-sena hija l-Enzalutamide għall-kanċer tal-prostata. Wara se jiddaħħlu aktar mediċini fosthom għall-kanċer fil-ġilda, melanoma, fil-kliewi, għall-kanċer fl-ovaries u fid-demm.
Intant matul l-istess kumitat permanenti sar magħruf li t-testijiet speċifiċi marbuta mal-kanċer, bħalma huma is-cytology u histology tests irdupjaw fl-aħħar snin. Fil-fatt filwaqt li fl-2007 kienu saru total ta’ 87,045 test, is-sena li għaddiet saru 175,507 test.