Is-solitudni kienet l-aktar raġuni komuni għaliex in-nies ċemplu fuq in-numru ta’ sapport 179, tul is-sena li għaddiet.
Raġunijiet oħra kienu problemi ta’ saħħa mentali, każijiet ta’ vjolenza domestika, nies li ċemplu għax ma kellhomx saqaf fuq rashom, u nies li tkellmu dwar abbuż fuq it-tfal.
Dan l-istazzjon tkellem ma’ Eric Saliba, li ilu erba’ snin jisma’ t-tbatijiet ta’ dawk li jċemplu lill-179.
Qal, “Aħna, tmenin fil-mija tal-ġurnata tagħna nqattgħuha nagħtu widna lin-nies li m’għandhomx ma’ min jgħidu kelma jew jiftħu qalbhom. Hemm ħafna li jkunu għaddejjin minn solitudni, imma s-solitudni mhix biss fiżika, hija wkoll morali, għax inti tista’ tkun solitudni anki jekk tkun imdawwar bin-nies miegħek.”
Huwa spjega kif il-pandemija m’għenet xejn biex jittaffew it-tbatijiet ta’ dawk li jħossuhom waħedhom.
Anzi, kien hemm min diġà kien isofri s-solitudni li spiċċa jħossu aktar waħdu.
Qal, “Minn ċertu ammont splodejna għal tliet darbiet, erba’ darbiet aktar, speċjalment l-anzjani, li kienu jifqgħuna speċjalment bil-lejl, meta jagħtihom xi panic attack, jibku, u aħna nippruvaw nikkalmawhom u ngħinuhom biex jibdew jieħdu ħsieb anki lilhom infushom għax dan kien xokk għalihom.”
Eric qalilna li fost l-aktar telefonati ta’ dieqa huma dawk li jkunu qed jikkontemplaw li jtemmu ħajjithom.
Qal, “Iddaħħallu dik it-tama li isma’, inti ħa tagħmel xi ħaġa, l-unika ħaġa li ma tistax tiġi lura minnha hija dik li bi ħsiebek tagħmel. Sakemm għadej ħaj, hemm it-tama.”
Eric appella biex tkun xi tkun il-problema, min iħossu waħdu, iċempel lill-179, għaliex ħafna drabi, persuna li tħoss li misset il-qiegħ, tkun waslet f’dak l-istat għaliex ma jkollha lil ħadd biex jismagħha.