Kif dejjem ngħid, il-kwiet inħobbu wisq! U hekk kont, fil-kwiet u relax. Għax anki aħna kellna l-buzz words tagħna fi zmienna. Relax. Illum għandhom tagħhom hux, chillax u brow u x’naf jien. Anki meta konna mmorru Paceville, konna nafu nieħdu gost. Tiġini f’moħħi dik il-kanzunetta, ma nafx x’jisimha propja, tal-grupp Smokie. Niftakar li f’ħin minnhom waqt id-diska, id-DJ kien ibaxxi s-sound u ħalli d-dancefloor kollha tgħajjat: “Alice, Alice, who the fakk is-Alice”. Konna mqarbin ukoll.
Jien u nikteb bdew ġejjin il-memorji u tbissimt kemm kemm. Intfajt naqra lura fis-siġġu w tfajt il-pali t’idi wara rasi, biex nagħti ħarsa lejn dak li kont għadni kif ktibt. Tajjeb.
F’daqqa waħda, ir-relax kollu li kont fih ittieħed mingħandi b’ħoss li dewa mad-dar kollha. Ding dong! Ding dong, ding dong! U l-aħbeċ! Aktar ma kont ridt ftit ħin fil-kwiet biex nibgħat din lil Janice tal-Wan! U min il-marelli ġie? Mela dan ħin, wara l-ikla tal-Ħadd jew? U x’għaġġla! Ding dong, ding dong!
“U iva ġej!” Għid b’nofs qalb, donnu min kien hemm wara l-bieb kien se jismagħni. Qomt u nżilt isfel niftaħ.
“Ċensina!?” Ilqajt lill-Ċensina ta’ faċċata tiegħi żewg bibien ‘l isfel, li kienet hemm wara l-bieb b’subgħajha l-werrej lesta biex terġa tagħfas il-qampiena. “X’ġara?”
Ċensina niżżlet idha minn mal-qampiena. “U xi tridu jiġri, x’kull waħda! Tgħid ma ġejtx niċċelebra miegħek bix-xampanja għax Sajmin ġie f’tiegħu u qed jara l-ġid li hemm madwaru, Viva l-Labour jew!” Ċensina għamlet pass biex tidħol ġewwa. Bqajt hemm imwaħħal mal-bieb, saqajja donnhom bdew jirriflettu dak li beda jaħseb moħħi. Jekk tidħol ġewwa, addio dak li qed tikteb. Ibqa’ irreżisti Etienne u din id-darba trid tgħaddi tiegħek.
“Int ktibtha tal-Ħadd li jġibu fuq l-internet tal-Wan?”, staqsiet Ċensina. Imma ma kienetx qed tistenna tweġibha malajr. “Naf li kull nhar ta’ Ħadd issemmini ta! Imma ħa ngħidlek, mhux se tħammarli wiċċi ta! Jien minn dawk is-sodi u ma niddejjaqx li jkunu jafu kif nahsibha ta!” Ċensina sparat dawn iż-żewġ sentenzi qishom żewġ murtali tal-ftuħ tal-festa tas-Salvatur. U kompliet, “Ejja ċass, ktibtha jew le Ajtjen?”
Ħaqq Ajtjen! Etienne, Etienne, Etienne!
“Ejja Ajtjen, mela …”
“Le Ċens, qiegħed fil-bidu tagħha. U rrid niktibha għax Janice tkun qed tistennini. Ma tantx nista’ ndum inparla hawn fuq l-għatba.” Ipprovajt naqta’ fil-qasir forsi titlaq minn fejn ġiet. Imma l-intenzjoni tiegħi ħadmet bil-maqlub.
“Tajjeb. Illum se tikteb dak li ngħidlek jien”. Ċensina imbuttatni ħafif, li kien biżżejjed biex nieħu passejn lura u nħalli passaġġ minn fejn tgħaddi. Ta’ Ċensina li kienet, daħlet, telgħet it-taraġ u stennietni sakemm għalaqt il-bieb u qisni zombie tlajt warajha.
Biex ma ntawwalx, spiċċajt bil-qiegħeda fuq is-siġġu mal-iskrivanija li għandi fil-kamra u Ċensina bil-qiegħda ħdejja. “Xi ktibt s’issa?”, staqsiet.
Ħadt nifs qawwi. “Mela, ktibt li meta konna żgħar kellna l-buzz words tagħna, konna nkantaw mad-diska Alice, Alice who the fakk is Alice”.
“Anki kien inkantaha ta”, daħlet fin-nofs Ċensina, “Imma għandi l-verżjoni tiegħi.
Onestament, bl-innoċenza kollha, smajt lili nnifsi – tard wisq – nistaqsiha, “U x’verżjoni hi din?”
Ċensina qamet minn fuq is-siġġu, għodda qalbitni, ċapċpet tnejn u ma żewġ żegligiet bdiet, “Sajmin, Sajmin, who the …”
“Ok, ok, fhimtek Ċens”, qbiżt fil-pront jien.
Ċensina kompliet, hi u tillixxja l-libsa minn taħt patatta ‘l isfel, biex reġgħet poġġiet bil-qiegħda, “U mhux vera jew! Min l-ożbreċ jaħseb li hu? Ir-rigal t’Alla lill-politika Maltija jew? Meta bil-provi, l-barometru tal-Ewropa, dak tal-istatistika, jgħid li Joseph tagħna huwa l-aktar politiku fdat fl-Ewropa u jiġi dan u jkompli jmaqdar u jmaqdar u ġib il-min imaqdar! Puuuuu, jaħasra kemm qed jgħallini, taf li qatt ma naf li mort inqerr daqs dawn l-aħħar tlett snin, daqskemm qed iġegħlni niżbalja!”
“Ċens, irrid nikteb dan l-artiklu, għax qed jagħfas il-ħin!”
“Iva Ajtjen, mhux għalhekk ġejt! Mela ikteb din ara…”
Tfajt is-swaba fuq il-keyboad nistenna. U bdiet: “Sajmin ma jridx jaċċetta li bil-Lejber fil-Gvern, pajjiżna miexi ‘l quddiem. Il-bużżieqa tal-Alice in Wonderland (Alice oħra din!) infaqgħet f’wiċċ il-Partit li …”
Ċensina waqfet f’daqqa. “Ajtjen, kont se ngħid… f’wiċċ il-partit li jmexxi, imma irrid insib kelma oħra ta! Għax meta tmexxi trid tkun leader hux. U dan mhux l-każ. Emmm … ħa nara … iva kompli hekk ara … f’wiċċ il-partit li waddab mitt sena lura”.
Mat-tektik fuq il-keyboard, Ċensina kompliet, “Ħarsa madwar Sajmin u ma ddumx ma tinduna bil-meskinitá ta’ dawk li hemm madwaru…”
“Ċens, ma tantx huwa stil kif nikteb jien dan ta!”
“Dawwar rasek u kompli ikteb”, irrispondiet qisha serduk.
M’hemmx x’tagħmel, ġiet hekk illum hux. Tort tiegħi li ftaħt il-bieb. Biex spiċċajt qisni segretarju jieħu n-noti mingħand il-maniġer. Immaġinaw is-sitwazzjoni: Jien bil-qiegħda mal-iskrivanija, b’Ċensina hdejja, imxaqilba naqra ‘l quddiem, b’gedduma kwazi jħokk ma’ spallti l-leminija, u ttellgħa u tniżżel in-nuċċali skond il-fejn kienet tħares.
“Ibda mill-għaref ta’ Salamun, l-għarucasa li miskin qed jgħajjar il-Gvern li mhux qed jipprepara tajjeb għall-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u spiċċa f’Ġejsin li ma jħobbx jidher…”
“Ċens ma fhimtx ta!”
“Casa, dak li għax il-barranin qed ifaħħru lil Malta li qed inkunu serji fil-preparazzjoni għall-Presidenza, u kemm għandha rwol importanti Malta f’din il-Presidenza, ħareġ jikkritika lil Joseph tagħna li qed inkunu dilettanti…”
“Iva orrajt, orrajt. Dak ħadd ma jieħdu bis-serjetá, Ċens!”, għidtilha, “Il-biċċa l-oħra ma fhimtx”.
“Ma tafx lil Ġejsin? Dak li ma tgħaddix ġurnata li hi ġurnata li ma jaqax għan-…”
“E! Ġejsin li dawwar dik il-biċċa xogħol tal-bejken li għamlu fil-Koran fl-Isptar, b’mod politiku hux?”
“Eżatt”, wieġbet Ċensina, “u li kif fetaħ ħalqu w ħaseb li kulħadd se jċapċaplu, ħa żelqa nobis għax poġġieh postu l-Ministru Owen”.
Hawnhekk faqqas mument ħelu. Kieku konna iżgħar, kontu tistħajluna xi żewġ namrati friski. Għax mingħajr ma ridna, ħarisna lejn xulxin u nfqajna nidħku bil-qalb. Jaħasra, jiftħu ħalqhom u aktar ma jiftħuh, aktar qed joħrorġu ċuċati!
“Ejja, kompli ikteb, int!”, qaltli wara ftit, Ċensina.
Erġajna ħadna l-pożizzjoni. Ikteb dan ħa, “Anki l-Qrati qed jaraw in-nuqqas ta’ stoffa tal-partit li Sajmin waddab mitt sena lura…”
“Ċens, oħra ta’ Ġejsin hux? Li ħaseb li l-qorti, waħda mill-għola stituzzjonijiet ta’ pajjiżna jista’ joqgħod jilgħab magħha skond kif jaqbillu!”
“Eżatt ħi. Ara naqra biex irridu ngħabbu, ħanina dinja! Isma Ajtjen, nsemmu naqra lil oħtu jew?”
“Oħt min?”
“U ejja, dik il-vera xempju tal-puliti tan-Nazz. Dik li aggrediet pulizija, tefgħet il-ħamrija fuq karozza, ivvandalizzat skoss karozzi ż-Żejtun…”
“U le, Ċens, għax se ntawwal ħafna nkella!”
“Ok Ajtjen. Lest jiġifieri?”
“Iva ta!”
“Mela ibgħatulha lil Janice”.
“Issa nibgħatu Ċens…”
“ISSA ibgħatu quddiemi. Ma jmurx nitlaq u tiddel kollox. Ħa narak tibgħatu. Iftaħ l-email…”
Bħaċ-ċuċ, kelli nagħmel hekk. Darb’oħra meta nkun qed nikteb dan, l-anqas jekk tħabbat il-bieb Angelina Jolie ma niftaħ!