Sajjieda żgħażagħ se jingħataw l-opportunità li jitħarrġu, jitgħallmu u jaqsmu ħsibijiethom ma’ sajjieda ta’ esperjenza fuq bastimenti tas-sajd irreġistrati mad-Dipartiment tas-Sajd u l-Akkwakultura. Dan bħala parti minn skema ġdida bl-isem ta’ “Ninvestu fis-Sajjieda Żgħażagħ.”
L-għan ta din l-iskema, li hi waħda mill-miżuri fil-manifest elettorali ‘Malta Flimkien’, għandha l-għan biex tħajjar aktar żgħażagħ jidħlu f’dan is-settur tant importanti għal pajjiżna.
Din l-iskema se tkun amministrata mill-istess Dipartiment tas-Sajd, taħt is-superviżjoni u l-kriterji stabbiliti mill-Kulleġġ Malti għall-Arti, ix-Xjenza u t-Teknoloġija, l-MCAST. Il-qafas ta’ taħriġ prattiku se jkun akkreditat taħt kriterji akkademiċi li jwasslu għall-kwalifiċi fil-qasam tal-agribusiness.
Is-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akkwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali, Alicia Bugeja Said, saħqet kif din l-iskema se tkun ta’ benefiċċju kemm għas-sajjieda attwali, kif ukoll dawk li qegħdin jaħdmu biex ikollhom professjoni f’dan is-settur. Spjegat li, b’dan il-qafas ta’ taħriġ u ta’ tagħlim, se tingħata spinta kbira lill-ġenerazzjonijiet futuri tas-sajd.
Dr Bugeja Said qalet li, b’din il-miżura u oħrajn li se jitħabbra fiż-żmien li ġej, qed jinbnew il-pedamenti u jagħmlu spazju għal aktar zgħazagħ fis-settur tas-sajd.
“L-etajiet ta’ sajjieda qed tkompli tiżdied. Mhux f’Malta biss, imma hi problema madwar l-Ewropa kollha, fejn għal kull sajjied ta’ inqas minn erbgħin sena, għandek tlieta li għandhom aktar minn sittin sena. Għaldaqstant miżura bħal din, fejn se nkunu qegħdin ninvestu fis-sajjieda żgħażagħ, naraw li għaxar snin oħra, is-settur tas-sajd jibqa’ jirriġenera ruħu.”
Alicia Bugeja Said – Segretarju Parlamentari
Is-Segretarju Parlamentari temmet tgħid li din l-iskema se tgħin lis-settur tas-sajd ikompli jittrasforma, jaddatta u jirriġenera ruħu għas-snin li ġejjin.