Sajjieda Għawdxin li qed jippreparaw għall-istaġun tal-lampuki ngħataw il-weraq tal-palm b’xejn għall-kannezzati tagħhom. Dan wara li l-Gvern u l-Ministeru għal Għawdex għarrfu is-sajjieda bis-servizz f’nofs Lulju, u nfetħet l-applikazzjonijiet li ġew proċessati. Is-sajjieda mhux biss ingħataw servizz iżda anke serħan il-moħħ.F’Għawdex tqassmu 3,775 werqa tal-palm lis-sajjieda reġistrati full-time jew part-time. L-eżerċizzju sar wara li d-Dipartiment tal-Agrikultura fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex imbarka fuq programm ta’ qtugħ tal-weraq tal-palm u trattament tal-istess siġra biex tkun protetta mill-infezzjoni tal-bumunqar aħmar. Dan il-proċess qed isir biex il-palma tkun protetta u għalhekk nassiguraw li s-sena d-dieħla s-sajjieda jerġa’ jkollhom l-ammont ta’ palm rikjest minnhom.
Il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana wriet sodisfazzjon għall-fatt li dan il-proċess sar b’suċċess, u awgurat staġun tajjeb lis-sajjieda.