F’Marsaxlokk mal-moll, is-sajjieda għandhom il-kumdità ta’ one-stop-shop minn fejn jaqdu l-bżonnijiet amministrattivi tagħhom li jġorr miegħu x-xogħol fuq il-baħar.
Dan apparti li l-istess faċilità għandha fi ħdanha friża li tintuża speċifikament minn sajjieda li jkunu ġarrbu ħsarat fl-opra tal-baħar tagħhom.
Lucienne Cassar, Uffiċjal Prinċipali għall-Protezzjoni tas-Sajd fil-faċilità Xlukkajra, spjegat uħud mill-affarijiet ta’ skariġġ li llum ġew iffaċilitati.
Hija qaltilna: “Hawnhekk is-sajjied dak kollu li hu relatat ma’ sajd jista’ jiġi u jinqeda hawnhekk eżempju bħal trasferimenti ta’ bastimenti, formularji neċessarji tal-liċenzji, awtorizzazzjoni speċjali tas-sajd anki ġbir ta’ liċenzji tal-bastimenti. F’dan il-perjodu jibda jsir ir-renewal tal-bastimenti allura kellhom il-possibilità jiġbruhom hawnhekk minflok imorru d-dipartiment.”
L-istess friża tintuża minn uffiċjali li jiltaqgħu ma’ ħut li jkun inqabad illegalment biex jinżamm fiha u ma jinbigħx fis-suq.
Il-one-stop-shop li nfetaħ f’Settembru li għadda b’investiment ta’ nofs miljun ewro jservi wkoll bħala sors ta’ informazzjoni għas-sajjieda dwar applikazzjonijiet ta’ fondi.
Cassar kompliet tispjega: “Jiġu wkoll għall-kotba tat-direct sales. Ovvjament meta jinqabad il-ħut trid tiddikjarah illi dak begħtu. Kif ukoll anki jiġru paper log books. Il-paper log books huwa l-log illi jiddikjaraw fuqu il-qabda meta joħorġu bil-bastiment u anki nagħtu servizz fuq appuntamenti jekk ikollhom ħsara fil-vessel monitoring system jew fit-tracker.”
Il-Ministru responsabbli mill-qasam tas-sajd, Anton Refalo sostna li l-Gvern jinsab kommess li jkompli jgħin lis-sajjieda fuq il-qadi tagħhom.
Huwa stqarr: “Aħna bħala Gvern qegħdin naraw illi nagħmlu dak li jissejjaħ extension services fejn is-sajjied m’għandux għalfejn imur id-Dipartiment tas-Sajd imma għandu propju fil-bajja ta’ Marsaxlokk is-servizzi kollha neċessarji biex ikun jista’ jinqeda.”