Tmiem il-ġimgħa kien wieħed li mmarka isem id-delizzju tas-sajd Malti fuq pjattaforma internazzjonali. Dan wara li żewġ sajjieda Maltin irnexxilhom jiksbu l-ewwel żewġ postijiet matul il-kompetizzjoni li saret f’Ragusa fi Sqallija. Kompetizzjoni li fiha ikkompetew wħud mill-aqwa sajjieda Sqallin u Taljani.
L-aqwa sajjieda Maltin li jikkompetu lokalment kienu mistiedna mill-assoċjazzjoni Taljana għal konfront dirett nhar il-Ħadd l-1 ta’ Mejju. Jonathan Vella, ta’ tlettin sena kien l-eroj tal-ġurnata hekk kif irnexxilu jaqbad total ta’ wieħed punt tmien kilos, bil-maġġoranza tal-ħut maqbud ikun il-mulett. Warajh, Robert Attard li rnexxilu jagħmel sajda tajba għalkemm f’kundizzjonijiet iebsa, b’kurrenti qawwija fil-baħar jiddominaw il-parti l-kbira tal-ġurnata.
Iż-żewġ rebbieħa kienu qed jirrapreżentaw lill-Kingfisher Sport Fishing Association għalkemm kien hemm klabb ieħor Malti, u bosta klabbs oħra Taljani. Matul din il-kompetizzjoni ħadu sehem ukoll il-club Malti H.O.F.C li flimkien mal-KSFA Malta bnew relazzjoni sportiva mill-qrib. Il-HOFC rebħu l-unur tal-klabb matul din il-kompetizzjoni.
Dan ir-riżultat jagħti kuraġġ kbir lid-delizzju tas-sajd Malti fuq livell internazzjonali, speċjalment meta wieħed jikkunsidra il-limitazzjonijiet tal-atleti Maltin. Filfatt il-maġġoranza tas-sajjieda Taljani huma sponserjati mill-aqwa ditti tas-sajd, u s-sajd huma l-għixien tagħhom.