L-istaġun tas-sajf elfejn u għoxrin kien wieħed pożittiv ħafna għall- Għawdex, hekk kif minkejja s-sitwazzjoni tal-pandemija, eluf ta’ Maltin u anke turisti għażlu li jaqbdu l-vapur tal-Gozo Channel u jqattgħu l-ħin ta’ mistrieħ fil-gżira tat-tliet għoljiet.
Infatti fl-aħħar sigħat tas-Sajf, f’Jum l-Indipendenza l-Kumpanija Gozo Channel rat l-akbar rekord ta’ karozzi li qasmu mill-Port tal-Imġarr lejn iċ-Ċirkewwa fuq l-erba’ vapuri tagħha f’jum wieħed, bin-numru jkun ta’ ħamest elef u mitt vettura.
Ċifri oħra li kiseb ONE News juru wkoll li bejn it-tmintax u l-wieħed u għoxrin ta’ Settembru li għadda, fi tliet mija u tmenin vjaġġ, qasmu sitta u għoxrin elf u tmien mija u wieħed u disgħin karozza bejn iż-żewġ portijet. Min-naħa l-oħra ċ-ċifri juru wkoll li f’dawn l-erbat ijiem qasmu disgħa u sittim elf u ħames mija u dsatax-il persuna.
F’kumment ma’ dan l-istazzjon, il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri laqa’ l-fatt li ħafna Maltin għażlu li jqattgħu aktar minn lejl wieħed f’Għawdex, anki f’dan l-aħħar tmiem il-ġimgħa estiż. “Għal Għawdex kien sajf tajjeb ħafna b’mod partikolari min-naħa tat-turiżmu intern fejn rajna influss tajjeb konsistenti ta’ Maltin tul is-sajf kollu mhux biss fil-weekend iżda anke fost il-ġimgħa.”
Il-Ministru għal Għawdex semma l-pjan ta’ riġenerazzjoni ekonomika li għen anki biex iddur ir-rota ekonomika fil-gżira tat-tliet għoljiet. “Dan kollu seta’ jsir minħabba l-fatt li l-Gvern ħa azzjoni kemm permezz tal-vouchers kif ukoll kif f’Lulju bejna din it-trend anke permezz ta’ roħs fin-noll tal-vapur propju fost il-ġimgħa u dan sabiex ninċentivaw lill-Maltin li mhux jiġu biss fil-weekends iżda jekk jista’ jkun ukoll ikollhom vaganza itwal.”
Influss ta’ Maltin li qasmu l-fliegu deher ukoll fiż-żewġ festi pubbliċi li għaddew. F’Santa Marija għal sena oħra Għawdexz kien mimli daqs bajda bil-Maltin u t-turisti, filwaqt li fil-jiem tal-Vitorja qasmu l-fliegu kważi wieħed u tletin elf vettura.