Malta qed tkun deskritta bħala “a new dance music destination”. Dan minn rivisti u blogs internazzjonali magħrufa f’dan is-settur. Fost l-aħħar festivals li tħabbru hemm Glitch Festival li se jsir fil-ġimgħa ta’ Santa Marija u se jġib Malta eluf ta’ persuni. Iżda dan mhux uniku.
Għal darb’oħra se jkun qed isir l-Isle of MTV u Unite with Tomorrowland. Dawn huma żewġ festivals oħra li se jġbu eluf ta’ barranin lejn Malta minbarra li se jagħtu opportunità wkoll lill-Maltin jattendu għal avvenimenti li għalihom se jiġu fost l-aqwa djs f’pajjiżna.
Il-Mixmag irrapporta li għal żmien twil Ibiża kienet qed tkun meqjusa bħala d-destinazzjoni numru wieħed għal dawk li jħobbu l-mużika. “Fi snin riċenti, hemm kontestanti ġodda għal dan ir-renju,” qalet ir-rivista. Tissemma l-Kroazja u issa għandha tidħol Malta. “Malta qed tistabbilixxi lilha nnifisha fuq il-mappa,” kompla jingħad filwaqt li saret emfasi fuq Glitch Festival li tħabbar fl-aħħar jiem.
Issir referenza wkoll lejn ċerti postijiet f’Malta fejn isiru l-avvenimenti li qed ikunu mfaħħra u deskritti bħala uniċi. Naturalment, dan kollu akkumpanjat minn referenza għal dak li toffri Malta.
“Għall-mużika dance u ambjent seren Malta hija diffiċli tingħeleb,” kompla jkun irrapportat.
Fost l-artisti kbar li se jkun hawn f’pajjiżna nsibu lil Jason Derulo, Hailee Steinfeld u DJ Sigala. Se jerġa’ jkun hawn pajjiżna wkoll Steve Aoki. Nina Kraviz u Jeff Mills ukoll huma ismijiet kbar li se jdoqqu f’Malta.
Se tiġi Malta wkoll Rita Ora li se tieħu sehem f’Summer Daze Malta li mistenni jattendu għalih 15,000 persuna fil-palk nazzjonali f’Ta Qali u Café del Mar. Dan hu festival enormi li jsir f’kollaborazzjoni ma’ BBC Radio 1. Għalih se jiġi wkoll Roger Sanchez rebbieħ ta’ Grammy Award.
Min idoqq u min jgħix
U barra li qed jiġu DJs idoqqu hemm oħrajn li qed jiġu jgħixu hawn Malta. Fil-fatt laqtet l-għajn ta’ segwaċi tad-dinja tal-mużika dance l-aħbar li Rob Acid ġie jgħix Malta. Dawk li jsegwuh fuq il-paġna tiegħu ta’ Facebook innutaw kif fl-aħħar ġimgħat xerred kemm-il darba ritratti minn Malta. Jirriżulta li Babicz, li sa ftit ilu kien jgħix il-Ġermanja, għażel lill-pajjiżna biex jgħix. U dawn ir-raġunijiet tkellem fuqhom fuq Facebook ukoll.