Tħabbru xahrejn sajfin ta’ attivitajiet kulturali ta’ kalibru u livell għoli għas-sajf – attivitajiet li se jipprovdu lill-pubbliku u lit-turisti b’għażla interessanti u eċċitanti ta’ festivals differenti.
Meta ġie varat il-programm ta’ avvenimenti ta’ Festivals Malta għas-sajf tal-2023, tħabbar li għal darb’oħra, dan se jinkludi r-Ritmu Roots Festival, il-Malta International Arts Festival, il-Malta Jazz Festival, u t-tieni edizzjoni tad-Dance Festival Malta.
Il-kalendarju jibda bir-Ritmu Roots Festival, b’direzzjoni artistika ta’ Andrew Alamango. Dan il-festival se jsir bejn it-2 u l-10 ta’ Ġunju u se jinkludi l-kontribut ta’ bosta artisti Maltin u għannejja u artisti internazzjonali tal-ġeneru mużikali folk u fado. Għall-ewwel darba f’dan il-festival se ssir ukoll wirja li tfakkar il-legat tal-għannej mibki Mikiel Abela, il-Bambinu.
Bejn is-16 u l-25 ta’ Ġunju, imbagħad, se jsir il-Malta International Arts Festival, b’direzzjoni artistika ta’ Ruben Zahra. Dan il-festival multidixxiplinarju ser jara bosta artisti internazzjonali, fosthom Guilhem Desq, li se jdoqq l-istrument partikolari bl-isem ta’ hurdy-gurdy, u Thomas Bloch bil-glass harmonica.
Il-programm artistiku jkompli bil-Malta Jazz Festival f’Ta’ Liesse u s-City Theatre. Dan se jsir bejn l-10 u l-15 ta’ Lulju, b’direzzjoni artistika ta’ Sandro Zerafa. Il-festival se jospita fost l-aqwa artisti rinomati internazzjonalment għall-mużika jazz, li jinkludu lil Immanuel Wilkins, Kurt Elling, Kurt Rosenwinkel, Dmitry Baevsky, Laurent Coq, u r-rebbieħa tal-Best New Artist Grammy Award, Samara Joy.
Il-kalendarju tas-sajf jagħlaq bit-tieni edizzjoni tad-Dance Festival Malta, bejn is-27 u t-30 ta’ Lulju. B’direzzjoni artistika ta’ Francesca Tranter, dan il-festival se jinkludi żfin f’diversi ġeneri minn artisti esperti kemm lokali kif ukoll internazzjonali.
Waqt it-tħabbir tal-programm tal-Festivals Malta, il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti, u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici, wiegħed li l-Gvern se jkompli jinvesti fil-kultura u jagħti sostenn lis-setturi kreattivi u kulturali biex iktar artisti jingħataw l-opportunità li jiżviluppaw it-talenti tagħhom.
Min-naħa tiegħu, iċ-Chairman ta’ Festivals Malta, Aaron Zahra, qal li l-fatt li l-festivals li qed jitħabbru huma stabbiliti, tant li jibqgħu jsiru sena wara l-oħra, juri biċ-ċar is-suċċess li jiksbu dawn il-festivals u kemm huwa importanti li jibqgħu fil-kalendarju tagħna. Huwa osserva li bosta huma dawk l-individwi minn barra minn xtutna li jagħżlu ’l Malta bħala destinazzjoni għall-festivals kulturali fis-sajf minħabba l-varjetà u l-livell ta’ organizzazzjoni li joffru dawn l-avvenimenti.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Festivals Malta, Annabelle Stivala, qalet li t-tim tal-aġenzija huwa impenjat li jsib modi ġodda u innovattivi ta’ kif jiġu organizzati l-festivals.
Għal aktar informazzjoni u għall-biljetti ta’ kull festival rispettiv, wieħed jista’ jżur www.festivals.mt.