L-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta laqa’ 415,409 passiġġier f’April, li jfisser żieda ta’ 5.7% fuq is-sena ta’ qabel.
Din iż-żieda bdiet il-perjodu tas-sajf fuq nota tassew pożittiva. Iċ-ċifra rreġistrata għal April hija kumparabbli man-numru ta’ passiġġieri li għaddew mill-ajruport f’Awwissu 2011 (427,575 passiġġier), li kien l-aqwa xahar għal dik is-sena.
It-tkabbir ta’ April irriżulta parzjalment mit-tnedija tal-iskeda tas-sajf tal-ajruport, li tinkludi rotot u linji tal-ajru ġodda u titjiriet miżjudin lejn ċerti destinazzjonijiet.
Dan kollu kkontribwixxa għal żieda fis-seats disponibbli ta’ 3.8%.
L-aqwa ħames swieq għal April baqgħu l-istess, bir-Renu Unit fl-ewwel post, segwit mill-Italja, il-Ġermanja u Franza. L-unika eċċezzjoni kienet il-Polonja li, għall-ewwel darba din is-sena, okkupat il-ħames post fil-lista tal-aqwa ħames swieq tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta.
It-tkabbir ta’ 27.3% tal-Polonja fuq is-sena li għaddiet irriżulta millintroduzzjoni ta’ rotta ġdida lejn Poznań u titjiriet miżjudin lejn Gdansk. Dan huwa r-riżultat tal-isforzi konġunti tal-Gvern ta’ Malta, l-Awtorità tat-Turiżmu u l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, sabiex ikompli jiġi żviluppat in-netwerk tal-gżejjer Maltin mal-Ewropa tal-Lvant.
Ħarsa lura lejn l-ewwel erba’ xhur tas-sena turi li numru rekord ta’ 1.2 miljun passiġġier għaddew mill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta; ċifra li tindika żieda ta’ 12% fuq l-istess perjodu fl-2015