Għalkemm ninsabu fl-eqqel tas-sajf, bi tħejjija għas-sena skolastika li ġejja bħalissa fl-iskejjel tal-istat għaddejja ħidma sfiqa sabiex l-iskejjel jingħataw dehra aħjar, jissewwew xi ħsarat li jinqalgħu minn żmien għall-ieħor, u jkunu lesti biex mill-ġdid jerġgħu jilqgħu lill-istudenti fi ħdanhom minn Settembru li ġej.
Żorna l-Iskola Primarja ta’ Ħal Luqa fi ħdan il-Kulleġġ San Injazju, fejn stajna ninnuttaw ix-xogħol li qed isir.
Barra x-xogħol ta’ tikħil u tibjid li jsir b’mod kontinwu matul is-sena kollha, tlajna fuq il-bjut tal-istess skola, fejn qed isiru tiswijiet billi saħansitra jinqala l-membrane l-antik u, kull fejn hemm il-qsim, qed isir il-liquid membrane sabiex fil-ġejjieni jiġu evitati l-ħsarat.
Barra dan, qed isir ukoll proġett mill-Fondazzjoni tal-Iskejjel ta’ Għada, fejn fl-open plans tal-iskola, li jinkludu l-btieħi, qed isir tħawwil ta’ siġar ġodda u se jitwaħħlu wkoll xi bankijiet biex dan jinbidel ukoll f’post ta’ rikreazzjoni. Fl-istess inħawi qed isir proġett fejn l-ilma tax-xita jkun jista jinżamm billi jaqleb kollu għal gol-bjar tal-iskola.
Philip Galdes, li huwa l-Precincts Officer tal-Kulleġġ San Injazju, ta dettalji dwar l-ippjanar u x-xogħol li qed isir dan is-sajf fl-iskejjel l-oħra tal-kulleġġ. Fi kliemu:
“X’ħin tikkunsidra ħames primarji li jkun għaddej anki Skolasajf go fihom, allura aktar ikkumplikata. Prattikament, nagħmlu x-xogħlijiet kollha li jkun hemm bżonn fl-iskejjel, jiġifieri kemm kuruturi, kemm klassijiet, li jinvolvi ħafna xogħol. F’kull skola, kemm is-Siġġiewi, Ħaż Żebbuġ, il-Learning Zone ta’ Ħaż Żebbug, fejn qed nagħmlu l-multi-sensory rooms ġodda, is-sekondarja f’Tal-Ħandaq, is-sala u l-kuruturi. Issa li ninsabu fil-peak, bdejna Awwissu, nikkalkulaw li sal-aħħar tax-xahar inkunu qed inlestu biex awtomatikament jibda t-tindif biex nerġgħu niftħu għal next scholastic year, il-Middle School, xogħlijiet kemm fil-foyers, il-faċċata, tista’ tgħid kullimkien. L-ippjanar kien tajjeb u naħseb li se naslu u nġibu r-riżultati”