Matul is-sajf li ġej mistenni jerġa jirpilja s-safar u l-ivvjaġġar lejn pajjiżi oħra. Bosta Maltin qed ifittxu li jsiefru u jqattgħu ftit ħin ta’ mistrieħ f’xi pajjiż ieħor, hekk kif kemm pajjiżna kif ukoll pajjiżi oħra qed joqorbu lejn in-normalità wara sentejn ta’ restrizzjonijiet marbuta mal-COVID 19.
Qalet dan Yasmin Debrincat Hamilton, il-General Manager ta’ waħda mill-kumpaniji ewlenin tal-ivvjaġġar f’pajjiżna. Hija qalet li jidher li hemm prospetti sbieħ għal dan is-sajf, li mistenni jkun wieħed aħjar minn tal-2020 u l-2021.
Debrincat Hamilton spjegat,“Anzi aktar milli qed jibżgħu, tant iddejqu mill-biża’ li issa jridu jitilqu, issa they are on their way to explore the world again, għax iddejqu Malta biss. Qed nindunaw li s-sajf li għadda, eżempju, in-nies cruises biss. I mean, tant kienu jibżgħu jsiefru bl-ajruplani, allura l-cruise kienet xi ħaġa safe. Però, dis-sena qed nindunaw li n-nies iridu, jerġgħu, il-flights u jmorru pajjiżi differenti.”
Qalet kif in-nies reġgħu qed jirrikorru għal destinazzjonijiet popolari bħal qabel bdiet il-pandemija, iżda mhux biss.
Hi stqarret, “Cruises minn Malta għal Malta, u anke kellna boom fi cruises li taqbadhom minn xi mkien ieħor fl-Ewropa. Ukoll għandek Dubaj, dejjem tkun waħda mill-popolari, Spanja, il-Portugall… Sqallija reġgħet ġiet popolari ħafna. Għandna l-long haul, l-Amerika u l-Kanada, li reġgħu ġew popolari.”
Yasmin Debrincat Hamilton sostniet li ħafna qed jagħżlu li jsiefru waħidhom, madankollu xorta waħda qed ikun hemm talbiet għal tours.
Hi rrimarkat, “I must admit, bħalissa għadna ma bdejniex nirrankaw fuq it-tours. Ovvjament, tour ikollok 30 ruħ u 25 ruħ u ma stajniex nagħmluhom minħabba r-restrictions. Imma n-nies reġgħu qed jistaqsu għalihom. Fil-preżent, li bħalissa m’għandniex tours x’noffru, bażikament in-nies jippreferu jivvjaġġaw għal rashom, jiġifieri jiġu hawnhekk jgħidulna, ‘jien nixtieq immur f’dan il-pajjiż u hotel fiċ-ċentru’, u aħna nagħmlulhom kollox imma bla tour leader.”
Hija sostniet li fl-aħħar sentejn ħafna rrikorrew għall-cruises, minħabba li dawn kienu u għadhom siguri ħafna f’dak li għandu x’jaqsam mal-COVID 19.
Debrincat Hamilton “Basically, il-proċedura ta’ cruise hi li 48 hrs qabel trid tagħmel swab test u turi li inti negative u jkollok il-booster. X’ħin tagħmel iċ-check-in tagħmel swab test u fuq il-cruise hemm ċans li they test you randomly, allura dak li jkun iħossu li hu safe.”
Minkejja li r-restrizzjonijiet marbuta mal-COVID 19 qed jonqsu, xorta waħda r-rakkomandazzjonijiet jibqgħu li wieħed jagħmel assikurazzjoni marbuta mal-istess COVID meta jibbukja xi safra.
Hi sostniet, “Qabel ma ssiefer aħna dejjem nirrakkomandaw li tieħdu l-COVID insurance cover, basically jekk wieħed jinqabad positive qabel jew waqt is-safra you’re covered. Jiġifieri jekk ma tistax issiefer jikkaverjawlek l-expenses u anke waqt is-safra.”
Kompliet tgħid li n-nies li jagħżlu li jsiefru qed jieħdu inkonsiderazzjoni wkoll il-gwerra bejn ir-Russja u l-Ukrajna.
Hi temmet tgħid,“Naħseb għadu wisq kmieni biex naraw x’impatt se tħalli fuq it-turiżmu din il-gwerra. Li nista’ ngħid li n-nies mhux qed jibbukkjaw għal destinazzjonijiet li jmissu mal-Ukrajna u r-Russja, bħall-Polonja, ir-Rumanija, il-Maċedonja qed jippruvaw jeliminawhom u jmorru postijiet ’il-bogħod, imma sa issa mhux qed inħossu daqstant l-effett tagħha.”