B’mod iktar diplomatiku Chris Said ukoll ħa l-pożizzjoni ta’ Simon Busuttil meta fuq facebook kiteb għall-ebda raġuni ma “għandna naqgħu fin-nassa li qed issirilna minn barra, f’attentat ċar biex iġġib qasma bejnietna – dik li nikinsu l’ hemm lil xi wħud minna stess.”
Din kienet dikjarazzjoni ċara li ma jaqbilx li jkun sospiż mill-Partit Nazzjonalista, Simon Busuttil, il-moħħ wara l-inkjesta Egrant. Iktar minn hekk ikkritika b’mod ċar l-istil ta’ Delia mingħajr ma semmih b’ismu.
Dan għax l-għada li Delia mar jitkellem fuq Net Television u kien iebes lejn Simon Busuttil li ddeskrivieh bħala “ta’ qablu” Said kiteb: “Id-diskussjoni dwar liema hi l-ahjar pożizzjoni li għandha tiġi adottata quddiem dan l-abbuż ta’ poter u korruzzjoni li għandna f’pajjiżna għandha ssir fi ħdan il-Partit.”
Fl-istess ħin li għamel dawn id-dikjarazzjonijiet qal li lest jieħu rwol fil-Partit Nazzjonalista biex iwassal għal xi tip ta’ ftehim.
“Lest nagħti sehmi biex ningħaqdu aktar minn qatt qabel. Lest nagħti sehmi biex ma nħallux lil ħaddieħor jiddettalna x’għandna nagħmlu. Għalhekk qed inpoġġi ruħi għad-dispożizzjoni tal-Partit biex internament ngħin ħalli nsibu t-triq li tgħaqqadna u li tagħmilna oppożizzjoni b’saħħitha u effettiva,” qal Chris Said f’dawk li huma botti ċari lejn Delia.