Chris Said, il-kontestant ewlieni li Adrian Delia kellu fl-elezzjoni għall-Kap, għamilha ċara li jgħid tiegħu wkoll f’mument fejn il-pressjoni fuq Adrian Delia tinsab fl-aqwa tagħha.
Fl-istess jum li l-gazzetta tal-Partit Nazzjonalista ħarġet tattakka lil Occupy Justice u li Delia attakka lill-midja, partikolarment lovinmalta, Chris Said ta x’jifhem li dan ma jaċċettahx.
Naturalment, ma semmix lil Delia b’ismu, imma min kellu jifhem fehem.
Fuq facebook beda biex qal li kien parti mid-delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista li ltaqgħet mar-rappreżentanti tal-Kummissjoni ta’ Venezja meta dawn kienu fostna u qal li tgħidx kemm hu sodisfatt li għalhekk kellu parti mir-rapport.
Hawn silet il-biċċa fejn tgħid: “Tha media and civil society are essential for democracy in any state.”
Żied ixerred il-biċċa fejn jintqal li l-awtoritajiet isibuha diffiċli jaċċettaw il-kritika u minn hawn mar għall-konklużjoni tiegħu.
“Ċertu attakki fuq is-socjetà civili ma nista’ qatt naċċettahom jew naqbel magħhom gejjin minn fejn gejjin,” qal Said f’messaġġ ċar lill-Kap Delia.
Messaġġ li mill-ewwel ġibed l-appoġġ ta’ oħrajn bid-deputat Speaker u membru parlamentari nazzjonalista Claudette Buttigieg xxerred l-istatus ta’ Chris Said u tgħid li l-attakk fuq il-midja u s-soċjetà ċivili mhuwiex sinjal ta’ saħħa, iżda huwa sinjal ta’ dgħjufija.
Magħhom qablu oħrajn. Attivisti magħrufa fil-kamp Simon Busuttil, iżda wkoll persuni prominenti fil-Partit NAzzjonalista li fl-aħħar xhur Delia għamel kulma seta’ biex jintgħoġob magħhom.
Bħal membru tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola li qalet li l-midja u l-attivisti mhumiex l-għadu. U għalkemm ma jaqblux fuq kollox hi tieqaf magħhom. Fi kliem ieħor tieqaf mal-grupp ta’ Manuel Delia, iżda mhux ma’ Adrian Delia.
Dak hu min aħna, qalet Metsola fi Twitter f’mument fejn il-kunflitti fil-PN m’huma jaqtgħu xejn b’Delia jispiċċa l-vittma ta’ dawk li tant prova jogħġob fl-aħħar ġimgħat.
Wieġbu lil Delia wkoll l-edituri ta’ lovinmalta li wara l-kummenti tal-Ħadd talbuh jirtira kliemu li huma f’xi allenza mal-Gvern Laburista biex iżommuh fil-poter.
Qalulu li jkun aħjar jippubblika d-dritt ta’ risposta tagħhom fil-midja tal-Partit Nazzjonalista qabel jieħdu passi oħra.