Il-kontestant għat-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista, Chris Said, irid jerġa’ jiftaħ il-liġi tal-ugwaljanza fiż-żwieġ li l-Parlament qabel fuqha ftit tal-ġimgħat ilu.
Fi stqarrija wiegħed li jekk ikun elett Kap jerġa’ jiftaħ il-liġi bil-għan li jerġa’ jdaħħal il-kunċett ta’ omm u missier.
Kliem li kienu sostitwiti bit-terminu ġenitur bil-għan li l-liġi tkun iktar newtrali u ma tiddiskriminax.
Iżda, l-Oppożizzjoni Nazzjonalista ta’ Simon Busuttil argumentat kontra dan u fi stadju ta’ kumitat ressqet għexieren ta’ emendi bil-għan li dak propost mill-Gvern ma jgħaddix kif inhu.
L-oġġezzjonijiet tal-Oppożizzjoni ġabu l-kundanna tal-komunità gay li kienet kuntenta bil-mod kif il-Gvern ried jibdel il-liġi biex iġib ugwaljanza totali.
Għall-Partit Nazzjonalista din kienet liġi li ġabet ukoll qasma tant li Edwin Vassallo, deputat b’esperjenza, vvota kontra l-whip tal-grupp Parlamentari.
Jirriżulta li huma dawn it-tip ta’ nies li Chris Said irid jiġbed bil-wiegħda tiegħu li jerġa’ jiftaħ il-liġi. Fil-fatt Edwin Vassallo qed jappoġġja għal kollox lil Chris Said li wiegħed vot ħieles dwar kwistjonijiet morali, kif wara kollox wiegħed ukoll Adrian Delia.