Malta kklassifikat fit-18-il post fost il-180 pajjiż fi studju dwar saħħet it-tfal li sar b’kollaborazzjoni bejn l-Għaqda Dinjija għas-Saħħa, il-UNICEF u l-ġurnal influwenti mediku, il-Lancet.
Dan l-istudju kkunsidra fatturi diversi li jgħinu tfal u adoloxxenti sabiex jikbru f’ambjent aktar sigur u b’saħħtu.
Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa laqa’ dan l-istudju b’ottimiżmu u spjega x’wassal biex Malta kklassifikat fost l-aqwa pajjiżi.
Dr Fearne stqarr: “Meta jsir dan it-tip ta’ studju, wieħed ikun qiegħed jara mhux biss it-tfal tal-lum jiġifieri: kemm jgħixu tajjeb; is-sigurtà fil-pajjiż; is-saħħa tagħhom; kemm jgħixu ħajja twila; is-saħħa tal-ommijiet meta jkunu tqal imma anke għall-futur. U allura kemm hemm tniġġis fl-arja, kemm hemm l-ambjent li huwa tajjeb għat-tfal, is-sigurtà tal-pajjiż jiġifieri x’possibilità li t-tfal jgħaddu minn xi aċċident u jkun hemm xi vjolenza fuqhom u f’dawn il-fatturi kollha Malta ikklassifikat mal-ewwel 10%.”
Dan l-istudju ta’ ħarsa kif il-pajjiżi kollha qed jimplimentaw l-għanijiet għall-iżvilupp sostenibbli, u minkejja li l-pajjiżi kollha fl-2015 qablu biex jibdew jimplimentawhom, ftit huwa l-pajjiżi li rreġistraw progress.
L-istudju wera li Malta rreġistrat riżultati aħjar mill-Istati Uniti, l-Awstralja, il-Kanada, l-Italja u l-Awstrija. Infatti Malta rreġistrat l-aqwa punteġġ fejn jidħlu fatturi bħall-maternità, l-aċċess għas-servizzi tas-saħħa, l-iġene bażika u n-nuqqas ta’ faqar estrem fost oħrajn. Filwaqt li kisbet punti għolja f’fatturi li jwasslu għal suċċess bħal edukazzjoni, in-nutrizzjoni u l-protezzjoni mill-vjolenza.
L-għanijiet għall-iżvilupp sostenibbli ma jqisux biss l-iżvilupp ekonomiku tal-pajjiż, imma l-ambjent kollu li jgħin persuna tikber u tkabbar il-ħiliet tagħha.