Il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, il-bżonn ta’ kwalità ta’ arja aħjar, il-ħolqien ta’ impjiegi ġodda f’setturi innovattivi u aktar vantaġġi għall-konsumaturi huma fost il-pilastri tal-ligi tal-Ewroparlamentari Miriam Dalli li għandha l-għan tnaqqas it-tniġġis minn karozzi ġodda.
F’intervista esklussiva mal-gazzetta Kullħadd, u lejlet il-vot fil-Kumitat tal-Ambjent tal-Parlament Ewropew tkellimna ma’ Dr Miriam Dalli dwar il-vot t’għada u l-isfidi li hemm.
X’inhu l-għan ta’ din il-proposta u kemm inti kunfidenti li se jintlaħaq qbil dwarha?
Il-liġi biex jonqos it-tniġġis mill-karozzi ġiet proposta oriġinarjamenti min-naħa tal-Kummissjoni Ewropea bħala parti minn pakkett tal-liġijiet dwar it-trasport, bil-għan li jkollna vetturi aktar nodfa fit-toroq tagħna. Ir-realtà iżda hi li dak propost mill-Kummissjoni huwa ftit wisq jekk verament l-Unjoni Ewropea trid tilħaq il-miri tagħha biex tnaqqas l-emissjonijiet u żżomm mal-miri li tat fil-konferenza ta’ Pariġi dwar it-tibdil fil-klima. Ir-realtà hi li jekk mhux se nkunu progressivi u ambizzjużi biżżejjed, pajjiżi oħra se jkunu qed jimmanifatturaw prodotti aktar innovattivi u vetturi aktar nodfa bi prezzijiet aktar affordabbli. Għalhekk din il-liġi trid tkun il-mutur li timbotta ’l quddiem l-innovazzjoni f’teknoloġiji ġodda li jwasslu għal mezzi ta’ trasport aktar nodfa, ħolqien ta’ xogħlijiet f’niċeċ ġodda u aktar importanti minn hekk, il-fatt li l-karozzi nodfa jsiru orħos milli huma llum.
Jien nemmen li hija l-policy li timbotta ’l quddiem lill-industrija. Mil-laqgħat kollha li għamilt, dan ħareġ bl-aktar mod ċar. Jekk mhux se jkollna policy li turi bl-aktar mod ċar li l-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea jridu jmorru lejn karozzi aktar nodfa, mhux se jkun hemm il-bżonn minn naħa ta’ min jimmanifattura l-karozzi li jinvesti f’teknoloġija aktar nadifa.
Għal kważi sena sħiħa ltqajt mar-rappreżentanti tal-industrija tal-karozzi, rappreżentanti tal-konsumaturi u tal-ħaddiema, u rappreżentanti tal-ambjent u xjentisti. Jekk hemm liġi li hija kontroversjali u li f’kull ħaġa li tipproponi trid tara li jkun hemm bilanċ il-ħin kollu ċertament li hija din. Tinduna wkoll anke mill-interess kbir tal-midja internazzjonali fuq din il-liġi b’artikli fil-gazzetti dejjem jiżdiedu aktar u aktar issa li riesaq il-vot.
Għandi produtturi kbar tal-karozzi fl-Ewropa u anke barra mill-Ewropa li jiġu jħabbtuli l-bieb. Trade Union u kunsilli tal-ħaddiema li jagħmlu l-istess. Il-bieb tiegħi dejjem miftuħ għal kulħadd, imma fl-aħħar mill-aħħar id-deċiżjoni ridt neħodha jien fl-istess ħin li nara li jkolli l-maġġoranza tal-gruppi politiċi fil-kumitat tal-ambjent miegħi. Mill-ewwel ġurnata li bdejt naħdem fuq din il-liġi kont konvinta li ma jistax ikollna liġi dgħajfa għax din il-liġi se twitti t-triq għas-snin li ġejjin.
T’għada huwa biss l-ewwel vot. Wara mmorru għall-vot fil-Parlament Ewropew u wara dak il-vot jekk ikollna pożizzjoni maqbula, immur flimkien mar-rappreżentanti tal-gruppi politiċi l-oħra biex immexxi n-negozjati mal-Kummissjoni Ewropea u l-Kunsill ħalli mbagħad tgħaddi għall-implimentazzjoni mis-sena 2021 ’il quddiem.
L-industrija tal-karozzi tinsab lesta għal dawn it-tibdiliet?
L-industrija tal-karozzi għandha wieħed mill-aktar lobbies b’saħħtu fl-Unjoni Ewropea. Rajtu b’għajnejja meta ħdimt fuq l-ewwel liġi tal-karozzi bħala rapporteur għall-grupp politiku tiegħi fl-ewwel sena tiegħi fil-Parlament u qed narah aktar b’saħħtu din id-darba meta l-liġi hija għalkollox f’idi.
Li joħroġ bl-aktar mod ċar hu li hemm produtturi tal-karozzi li ħasbu għall-futur u allura huma lesti li jipproduċu karozzi li jħammġu anqas u hemm produtturi tal-karozzi li dan l-investiment m’għamluhx. Minflok, investew f’karozzi li jħammġu u jridu jaraw kif se jagħmlu minn kollox biex jagħmlu l-akbar profitt possibbli minn teknoloġija li tħammeġ.
Din il-leġiżlazzjoni iżda hija l-opportunità tagħna biex nuru li l-industrija tal-karozzi fl-Unjoni Ewropea trid timmodernizza ruħha. Tagħmel dan billi tinvesti f’teknoloġija aktar nadifa, tinvesti f’infrastruttura aħjar, inkluż ukoll aktar charging points għall-karozzi li jaħdmu bl-elettriku u taċċerta ruħha li tinvesti fi produzzjoni ta’ batteriji nodfa fl-Unjoni Ewropea stess.
Matul l-10 snin li ġejjin huwa mistenni li karozzi li ma jniġġsux jiġu irħas minn karozzi li jaħdmu bil-petrol jew bid-diesel. Biex dan iseħħ irid ikun hemm aktar karozzi bħal dawn fis-suq. Fl-istess waqt mistenni wkoll li min jixtri karozzi li jniġġsu anqas li jkunu second hand jew anke third hand igawdi ħafna aktar minħabba prezz anqas u spejjeż anqas.
F’din il-liġi jiena mhux qed nagħti preferenza lil xi teknoloġija fuq teknoloġiji oħra. Ma jinteressanix nimbotta pereżempju karozzi elettriċi biss. Għalhekk m’iniex nillimita l-industrija għal xi forma ta’ teknoloġija waħda biss iżda rrid li jonqsu l-emissjonijiet b’taħlita ta’ teknoloġiji differenti inklużi hybrids, plug-in hybrids, fuel cell technology, battery electric vehicles u internal combustion engines effiċjenti.
Ir-realtà hi li t-teknoloġija diġà teżisti; ditti tal-karozzi Ewropej qed ibigħu aktar karozzi li ma jħammġux barra mill-Ewropa; is-settur tar-riċerka u l-innovazzjoni f’dan il-qasam qed jikber sew barra mill-kontinent Ewropew b’riskju li l-Unjoni Ewropea taqa’ lura u titlef il-kompetittività f’dan il-qasam.
Li nimxu għal teknoloġija aktar nadifa mhi ta’ sorpriża għal ħadd. Minn laqgħat li kelli anke Malta kulħadd jifhem li l-futur huwa karozzi nodfa fit-toroq tagħna. Hawn Malta pereżempju bdejna naraw karozzi hybrid u oħrajn jaħdmu bil-batterija imma mhux qed naraw biżżejjed. Meta titkellem mal-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi jgħidulek li r-raġuni għal dan hija li l-konsumatur m’għandux biżżejjed għażla. In-naħa l-oħra tal-munita targumenta li m’hawnx l-infrastruttura neċessarja biex jiżdiedu dawn il-karozzi. Huwa fatt ukoll. Għalhekk għandna bżonn liġijiet li jimbuttaw ’il quddiem din il-bidla. Mela le għandna bżonn il-karozzi tagħna biex naslu minn post għal ieħor, imma ejjew naċċertaw ruħna li jkollna l-għażla li jistħoqqilna biex insuqu karozzi nodfa, innaqqsu t-tniġġis mit-toroq tagħna u nnaqsu l-mard relatat mat-tniġġis.
Dieselgate kixef il-qerq tal-industrija tal-karozzi fejn jidħlu emissjonijiet. Inti ħsibt biex biex ma jkunx hemm ripetizzjoni ta’ dan?
Kont naħseb li DieselGate kien l-iskandlu li minnu l-produtturi tal-karozzi se jitgħallmu. Meta faqqa l-iskandlu Dieselgate, kont parti minn kumitat speċjali fejn rajna eżatt x’tip ta’ miżuri jintużaw biex jiġu mkejla l-emissjonijiet mill-karozzi. Dakinhar l-industrija tal-karozzi kienet qed tuża sistemi biex jiffrodaw u jgħidu li l-karozzi tagħhom iħammġu ħafna anqas milli fir-realtà u fit-toroq.
Issa fis-sajf irriżulta li l-industrija tal-karozzi daħlet fi skandlu ieħor. Għax jafu li ġejja din il-liġi li permezz tagħha se jkollhom inaqqsu t-tniġġis qed jgħidu li l-karozzi tagħhom iħammġu aktar fit-toroq ħalli ma jkollhomx għalfejn jagħmlu l-ebda sforz u jħallulna fit-toroq tagħna karozzi li jniġġsu xorta waħda. Dan assolutament mhux aċċettabbli.
X’opportunitajiet tara għal Malta b’din il-liġi?
Minkejja l-qalba għal power station li taħdem bil-gass, f’Malta xorta fadlilna livelli għolja ta’ tniġġis u dan ġej minn numru ta’ karozzi fit-toroq Maltin u Għawdxin. Biss biss, tul is-sena li għaddiet skont informazzjoni maħruġa mill-Eurostat, pajjiżna rreġistra l-ogħla żieda fl-emissjonijiet tas-CO2. Għal pajjiżna din hija opportunità, opportunità li nnaqsu l-livelli ta’ tniġġis mit-toroq tagħna u li jkollna karozzi aktar nodfa bi prezzijiet orħos milli jeżistu llum.
Hemm ukoll aktar opportunitajiet, fosthom fir-riċerka u l-innovazzjoni u l-iżvilupp. Din hija liġi li toffri opportunitajiet kbar ekonomiċi, ambjentali u soċjali u lill-konsumaturi.