“L-aħjar mod hi li ngħidu lil Joseph Muscat saħħa u itlaq ‘l hemm.”
Dan kien il-mod li bih il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil kompla jsostni li f’din l-elezzjoni, ma jrid bl-ebda mod li l-għażla tkun bejnu u Joseph Muscat.
Fl-istess ħin li ħareġ minn fommu diskors dispreġġjattiv fil-konfront tal-Prim Ministru, appella lil dawk preżenti biex jivvottaw fuq prinċipji.
Fiż-Żurrieq, il-Kap tal-Oppożizzjoni għamilha ċara li l-koalizzjoni ta’ konfużjoni hija msejsa biss fuq il-mibegħda lejn Joseph Muscat u li l-unika għan taż-żewġ kapijiet tal-PN huwa li jneħħu lil Joseph Muscat.
Fl-attività politika tkellmu kemm Marlene Farrugia kif ukoll Simon Busuttil. L-uniku punt ta’ qbil bejn dawn il-kapijiet kien li għandha tinżera ż-żerriegħa tal-mibegħda. Busuttil insista li ċ-childcare għandu jkun b’xejn għal kulħadd, imma ma spjegax minn fejn se jkun qed jiffinanzja din il-proposta.
Reġa ammetta li qed jipproponi proposta li diġà qed issir, dik li tagħti lura ż-żidiet għal kirjiet li saru min-naħa tal-housing soċjali. Ammetta meta qal li Joseph Muscat diġà bagħat din ir-rifużjoni permezz ta’ ċekk.
Busuttil tenna: “jien u dik il-mara”, b’referenza għal Marlene Farrugia. Qal li għandhom raġun li jitkellmu kontra Joseph Muscat.