Tnieda servizz ieħor fil-qasam tas-saħħa li se jkompli jipprovdi l-kura fil-komunità. Il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne ħabbar skema ġdida li permezz tagħha, tobba privati tal-familji se jkunu jistgħu jaraw pazjenti li jbatu minn mard mentali, bl-ispiża jħallasha l-Gvern. Dan mistenni jgħin pazjenti bħal dawk li għandhom psikożi u dipressjoni bipolar jew unipolar.
Il-Gvern se jkun qed iħallas talli jingħata dan is-servizz tliet darbiet fis-sena. Waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru saħaq ħafna dwar il-ħeġġa tal-Gvern biex joffri aktar servizzi speċjalizzati tas-saħħa mentali fil-komunità. Permezz ta’ dan il-pass, it-tabib tal-familja u l-pazjent se jgawdu minn sens ikbar ta’ kontinwità, għaliex it-tabib ikun jaf aktar mill-qrib lill-pazjent u jkun jista’ jevalwa kambjamenti fih.
Permezz ta’ dan il-pass ukoll, pazjent ikun jista’ jingħata trattament fi stadju aktar bikri u forsi jevita l-ħtieġa li jidħol l-isptar. Fil-ġimghat li ġejjin se ssir sejħa ta’ interess għal tobba tal-familja li mbagħad se jieħdu sehem f’eżerċizzji ta’ taħriġ. Dan se jinkludi sensiela ta’ seminars, anke barra minn xtutna.
Il-psikjatra spjega aktar dwar l-iskema.
https://youtu.be/hdu5JrKwleY