Għad-dilettanti tan-nar, il-ħidma tibda sa minn ftit ġranet biss minn wara l-festa, li tkun għadha kif għaddiet.
L-entużjasti tal-piroteknika fi ħdan l-Għaqda tan-Nar San Mikiel ta’ Ħal-Lija mhux b’inqas.
Hekk kif tgħaddi l-festa jsir it-tindif neċessarju fl-għelieqi minn fejn jinħaraq in-nar u fil-kamra tan-nar il-kanen jibdew jitpoġġew f’posthom. Minn hemm ‘il quddiem tibda ħidma ma taqta’ xejn għal sena sħiħa.
Jibda x-xogħol tat-tqattigħ tal-kartun, il-brim tal-iskrataċ, u dak kollu li jkun hemm bżonn għall-manifattura tal-logħob tan-nar. F’Diċembru, il-voluntiera jaħsbu biex jibdew jiġbru ż-żerġun mill-friegħi tad-dwieli. Ftit xhur qabel il-festa, imbagħad, jinħaraq u jiġi mħallat ma’ materjal ieħor li jintuża fis-sengħa tal-piroteknika.
Fil-bidu tas-sena jitkompla l-proċess tal-immastirar tal-beraq kif ukoll tistlesta l-istilla li tintuża għall-murtali, u jsiru l-kaxxi infernali li jintużaw b’mod speċjali waqt it-tridijiet.
It-tħejjijiet jintensifikaw aktar fil-jiem qrib il-festa. Wara li jitlesta l-ippustjar kollu tal-istilla fil-murtali tal-kulur, tal-blalen, u tal-beraq, jibda t-taħxin ta’ dawn il-murtali . Barra dan, ikun għaddej ġmielu wkoll ix-xogħol tan-nar tal-art: isir il-mili tal-gass tal-kulur u anki l-ikkargar tal-funtani.
Fil-ġranet tal-festa jibdew jitħejjew ukoll il-kanen fl-għelieqi minn fejn jinħaraq in-nar li jkun inħadem, u l-murtali lesti għall-ħruq jitpoġġew fi kmamar siguri.
Brian Spiteri, li huwa d-detentur tal-liċenzja u l-President tal-Għaqda tan-Nar San Mikiel ta’ Ħal Lija, tkellem dwar kemm dan ix-xogħol jirrikjedi proċess twil u li fih iridu jittieħdu ħafna prekawzjonijiet tas-sigurtà.
Fi kliem Brian Spiteri, il-President tal-Għaqda tan-Nar San Mikiel:
‘L-ewwel nett, il-ħaddiema kollha jridu jkunu kollha lliċenzjati bil-liċenzja neċessarja, li dejjem iżżomm il-post tan-nar nadif kemm jista’ jkun, tara li l-aċċessi għall-kamra tan-nar ikunu liberi kemm għalina u kemm f’każ ta’ emerġenza.’
Joseph Zahra, l-uffiċjal għar-relazzjonijiet pubbliċi ta’ din il-kamra tan-nar, qasam magħna ħsibijietu dwar is-sagrifiċċju li tirrikjedi l-arti tal-piroteknika.
‘Napprezzah għax naf x’sagrifiċċju dawn jagħmlu sena sħiħa, maqtugħin minn mal-familja, li diġà huwa sagrifiċċju kbir. Għandek ix-xogħol fil-każ tan-nar, taf li qiegħed f’periklu, il-ħin kollu. Għandek ukoll delizzju li huwa perikoluż imma fl-istess ħin huwa sabiħ ħafna, huwa arti, li meta tibda tmissu tara kemm jinvolvi xogħol.’