Għal sena oħra, il-kantant Aidan se jkun qed itella’ spettaklu esklussiv, ta’ darba fis-sena bl-isem ta’ ‘The Show’, b’kanzunetti ġodda, imma wkoll bl-akbar suċċessi tiegħu li ddominaw ix-xena mużikali lokali matul is-snin.
Wara s-suċċess tas-sena li għaddiet fejn attendew aktar minn sitt elef persuna, ix-show se jkun qed isir taħt it-tinda prinċipali tal-MFCC f’Ta’ Qali fit-tletin ta’ Mejju li ġej.
ONE News tkellem mal-kantant żagħżugħ, li spjegalna kif dan l-avveniment se jkun wieħed ta’ darba għal din is-sena, b’ċans uniku biex in-nies tesperjenza spettaklu mill-aqwa kif magħruf għalihom.
“Insejħulu ‘The Show’ u mhux kunċert, għax in-nies se jkunu qed jistennew spettaklu ta’ madwar sagħtejn. Meta ngħid spettaklu, jiġifieri sagħtejn ta’ koreografija, enerġija bil-viżwal, dwal, żfin se jkollna band, tnax-il żeffien, it’s a full-on show.”
Aidan
Aidan tenna li dan l-ispettaklu se jkun kompletament differenti minn dak ta’ sena ilu, b’livell iktar għoli u bi spettaklu mhux tas-soltu.
“Ħafna staqsewni, imma ħa jkun bħal tas-sena l-oħra? Le ħa jkun differenti, ħa jkollu arranġamenti ġodda, koreografija ġdida mill-bidu sal-aħħar, viżwal ġdid, palk ikolli ngħid innovattiv għal Malta, daqsxejn differenti mis-soltu, biex tesperjenzah trid tkun hemmhekk fis-sala. Il-biljetti ħarġu u vera ninsab eċċitat.”
Aidan
Sadanittant ma’ Aidan tkellimna wkoll dwar l-EP album il-ġdid li se jkun qed joħroġ f’Marzu li ġej, b’seba’ kanzunetti, fosthom il-kanzunetti ‘Juliette’ u ‘Hero’, b’din tal-aħħar tieħu t-titlu tal-aqwa kanzunetta lokali għall-2024.
“Se jkollu erba’ kanzunetti ġodda. In-nies ħa jkunu jistgħu jesperjenzawhom sew fil-kunċert, għax hemmekk se jkunu l-ewwel darba li jindaqqu live kif ukoll dawk issa classics bħal ‘Naħseb Fik’, ‘Reġina’, ‘Pupa’, ‘Ritmu’, dawn qishom daħlu fil-qalb tal-Maltin.”
Il-biljetti għall-ispettaklu ta’ Mejju jistgħu jinkisbu minn fuq il-pjattaforma ta’ Aidan, aidanofficial.com.