‘Il-Little Mermaid’ huwa l-isem ta’ pantomima bil-Malti, li qed tittella’ fl-Istitut Kattoliku, mill-Kumpanija Teatru Rjal.
Dan l-istazzjon żar l-atturi wara l-kwinti, waqt li kienu għaddejjin bi tħejjijiet għal prestazzjoni oħra, u tkellem ma’ Rodney Gauci, li qed jinterpreta l-parti tad-dama u li spjegalna id-dinamika tal-pantomima.
“Il-pantomima hija fairytale, li naqbdu u nkissru, u nħawdu, u nġebbdu, u naddattawha biex tiġi tagħmel sens fil-kuntest ta’ pajjiżna kulturalment, fuq livell soċjali, u fis-sena li għaddiet minn fuqna.”
Huwa spjega kif dan kollu jingħaqad permezz tal-parti tad-dama, u fejn l-attur jiġi mlibbes ta’ mara.
Żied jgħid li f’pantomima jkollok l-idea tal-eroj u l-antagonist, u b’hekk id-dama tagħti daqqa t’id lill-eroj sabiex issolvi l-problemi.
Ħares lura, għal kif ilu jinterpreta l-parti tad-dama għal dawn l-aħħar 6 snin. 6 snin li matulhom kellu jgħaddi minn proċess ta’ irtokk li jieħu sagħtejn sħaħ, għal kull prestazzjoni.
“Jien għamilt sagħtejn makeup għal tnax-il darba.”
Mistoqsi dwar meta jibdew il-preparamenti b’rabta mal-pantomima, huwa qal li bħal ma jingħad għad-delettanti tal-Karnival, li meta jgħaddi l-Karnival jibdew jaħsbu għal ta’ wara, l-istess jista’ jingħad għal dawk li jipparteċipaw f’xi pantomima.
“Jgħaddi biss tliet ġimgħat, xahar, sakemm nibdew nitkellmu, naħsbu, ngħidu nagħmlu hekk, jew hekk. Madanakollu ikun hemm kollox miftuħ ħafna, fil-bidu tas-sena, għax il-pantomima hija importanti ħafna li tirrifletti wkoll dak li jkun qed jiġri matul is-sena, mhux biss fil-kuntest tal-arja soċjopolitika li qed ngħixu fiha, dak li huwa kurrenti, eċċetra, dak jibqa’ jinbidel sal-aħħar.”
Gauci stqarr magħna kif ġieli, anke bejn prestazzjoni u oħra, jinbidlu ċerti affarijiet mill-iskript, anke biex jirriflettu kemm il-pantomima hija verament dinamika.
Barra minn hekk, huwa qasam magħna li l-pantomima timxi wkoll paripassu mal-kultura popolari.
Xejn inqas għall-istorja li hija bbażata fuqha l-pantomima għal din is-sena, dik ta’ The Little Mermaid, imnebbħa mill-film li ħareġ din is-sena.
Huwa żied jgħid li din il-pantomima, se titratta wkoll sfidi reali, bħas-sajd bla kontroll, it-tniġġis fl-ibħra u temi oħrajn.
Għal aktar informazzjoni jew għall-biljetti, wieħed jista’ jżur is-sit, www.ktr.com.