Ilbieraħ il-Union of Professional Educators (UPE) kellha laqgħa mar-rettur tal-Kulleġġ San Albert il-Kbir. Il-Unjin tal-Għalliema (MUT) fi stqarrija dalgħodu ikkundannat in-nuqqas ta’ rappreżentanza tal-MUT, u li nżammet “l-istess narrattiva tar-rettur”.
L-MUT ikkundannat dak li temmen li huma attentati biex imewwtu s-sitwazzjoni, mentri ddeskrivew l-iskola bħala waħda “għarkopptejha grazzi għar-rettur”.
L-Unjin tal-għalliema sostniet li hemm alleanza bejn ir-rettur u l-UPE, u qalet li se tkompli tiddefendi l-edukaturi fil-kulleġġ u se tkompli tissalvagwardja l-interess tal-istudenti.
Kollox beda mat-tkeċċija ta’ Mario Mallia minn Kap tal-Kulleġġ. Disat’ijiem ilu, permezz ta’ deċiżjoni tal-Qorti, ġie ppruvat li l-Unjin tal-Għalliema għandha d-dritt li tipproteġi lill-membri tagħha permezz ta’ azzjonijiet industrijali. F’digriet tal-Imħallef Dr Joanne Vella Cuschieri, il-Qorti ċaħdet il-mandat ta’ inibizzjoni mressaq mir-Rettur tal-Kulleġġ San Albert il-Kbir kontra l-MUT.
Aktar kmieni, l-Uffiċċju tal-Kummissarju għat-Tfal qal li jinsab imħasseb dwar is-sitwazzjoni dwar il-Kulleġġ San Albert.
Fi stqarrija, l-Uffiċċju qal li l-inċertezza li qed jaffaċċjaw it-tfal mhijiex fl-aħjar interess tagħhom.
Qal ukoll li, wara sentejn ta’ tħarbit minħabba l-pandemija, it-tfal m’għandhomx jitpoġġew f’sitwazzjoni bħal din, li qed iħalli stress u ansjetà kemm fost it-tfal kif ukoll fost il-ġenituri.