Is-Segretarju Parlamentari għal Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva Anthony Agius Decelis nieda proġett pilota sabiex tkompli tissaħħaħ is-sigurtà fid-djar residenzjali tal-anzjani ġewwa l-Floriana Home. Dan il-proġett jinvolvi l-introduzzjoni tal-użu ta’ safes fil-kmamar tal-anzjani, kif ukoll żieda fl-ammont ta’ kameras installati fl-ispazju pubbliku ta’ din id-dar residenzjali.
Is-Segretarju Parlamentari għal Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva ħabbar li r-residenti f’din id-dar se jkollhom l-għażla li jibdew jagħmlu użu minn safe għall-użu personali tagħhom sabiex iżommu numru żgħir ta’ flus u ta’ oġġetti personali.
Sabiex jagħmlu użu minn dan is-safe, ir-residenti jistgħu jimlew applikazzjoni u jiġi nstallat safefil-kamra tagħhom. F’każijiet li l-anzjani jkollhom diffikultà, dawn se jkollhom tabella mwaħħla mal-istess safe sabiex iċemplu lill-persuna responsabbli minn dawn is-safes.
F’din id-dar residenzjali kien hemm ukoll żieda ta’ kameras tas-CCTV li ġew installati fl-ispazji komuni fuq ġewwa u fuq barra ta’ din id-dar, b’mod li jassigura li l-privatezza tal-anzjani tiġi rispettata, bl-għan li jkun hemm iktar sigurtà fid-dar kollha.
Filwaqt li rringrazzja lill-Welfare Committee talli raw li din l-inizjattiva tiġi implimentata, is-Segretarju Parlamentari Agius Decelis saħaq li dan huwa biss proġett pilota bi ħsieb li ssir evalwazzjoni ta’ kif din l-inizjattiva tista’ tkun amministrata bl-aħjar mod u eventwalment tkun miftuħa għad-djar residenzjali kollha f’Malta u Għawdex.