Dun Anton Attard, saċerdot ta’ tmienja u ħamsin sena mix-Xagħra Għawdex u mimli b’enerġija żagħżugħa, kien wieħed mill-eluf ta’ atleti li pparteċipaw fl-erbgħa u erbgħin edizzjoni tal-Gozo Half Marathon.
Din mhux l-ewwel darba li Dun Anton ipparteċipa f’kompetizzjonijiet sportivi, għax ilu mindu kien għadu seminarista jipprattika diversi tipi ta’ sports fosthom il-ġiri.
Ma’ One News Dun Anton semma żewġ affarijiet li lilu jtuh kuraġġ biex jibqa’ jipprattika l-isports.
“il-kuraġġ li jagħtini huma żewġ affarijiet, l-ewwelnett minħabba saħti biex inkun dejjem fit u t-tieni biex inħeġġeġ lil ħaddieħor, speċjalment żgħażagħ u oħrajn sabiex l-aħjar jgħedew fl-isports milli fl-alkoħol, droga jew f’affarijiet oħra”
Għal din il-Maratona, li kulma jmur qed tikber u kważi bdiet tħaqqaha ma’ maratoni ta’ livell internazzjonali, ħadu sehem madwar elf u ħames mitt atleta, uħud minnhom barranin li ġew apposta għal din l-attivita.
Din il-Maratona li bdieha saċerdot Xagħri, tiġi mtellgħa minn grupp ta’ żgħażagħ dedikati, li ta’ kull sena jagħmlu minn kollox sabiex ipoġġu lil din l-attivita fil-quċċata.
Din is-sena, għall-ewwel darba, ġiet organizzata l-ġirja tal-għaxar kilometru, bl-iskop ewlieni jkun sabiex jintlaħaq il-livell Ewropej.