Fl-aħħar Adrian Delia sab postu fil-Parlament ta’ Malta wara r-riżenja tar-‘record-man’ Peter Micallef. Dan mhuwiex it-tmiem tas-saga interna tal-PN, iżda għadu l-bidu tax-xow, xow politiku li għal wħud jidher li huwa komiku iżda fl-istess ħin drammatiku u tal-biki għas-sitwazzjoni politika ta’ pajjiżna.Ma nafx x’inhu għaddej fil-kurituri tad-Dar Ċentrali, u x’laqgħat ta’ manuvri qed isiru, pero mistoqsija komuni hija dwar kemm Delia verament għandu l-appoġġ tal-membri parlamentari kollha fi ħdan il-grupp tal-PN. S’issa Delia kien mastru fl-użu tal-kliem u buzzwords biex jimpressjona u juri li jrid mod ġdid – għal dan wieħed jinżgħalu l-kappell. Iżda jekk tħares dawra madwaru, ma tantx tilmaħ uċuħ ġodda, jew wisq aktar mentalitá gdida fl-istil politiku tal-PN. Biex inkun ġust, tajjeb li nħalli iktar zmien qabel ma nikkummenta fid-dettall, iżda mill-affarijiet li qed nara fid-deher bħalissa, il-pedamenti tan-‘new way’ m’humiex juru futur inkoraġġanti.
Tajjeb li ma ninsewx insemmu li għad fadal it-tellieqa għall-elezzjoni taż-żewġ viċi-kapijiet, li jidher li se terġa’ tkun daqqa ta’ ħarta għall-għaqda interna tal-PN. Diversi esponenti diga’ qalu li se jkunu qed jikkontestaw waħda miż-żewg karigi li se jkun hemm vakanti, u li allura se jwasslu biex issir elezzjoni. Klikkek interni se jerggħu jqumu u diġa kien hemm min kemmex xufftejħ għal ċerti mossi u manuvri li qed isiru minn dawk li appoġġjaw il-Kap Delia.
Jidher li s-sħab iswed għadu jħuf fuq id-Dar Ċentrali u t-tmexxija l-ġdida tal-PN għandha ħafna sfidi quddiema li trid tindirizza. Mhux se tkun leġiżlatura faċli għall-PN, fejn apparti li jrid iservi t’oppożizzjoni diċenti fil-ħidma parlamentari, irid jieħu ħsieb ukoll jindirizza t-taħwid fl-istrutturi interni tiegħu.