Inbiħ, tferfir tad-denb u qbiż, hekk konna milqugħa meta dħalna fis-santwarju tal-annimali abbandunati li jinsab f’Birżebbuġa. Is-santwarju jilqa’ fih klieb li jkunu tħallew abbandunati, iżda hawn jerġgħu jsibu l-imħabba mingħand għadd ta’ voluntiera, li l-ħin liberu tagħhom iqattugħ jieħdu ħsieb dawn il-klieb. Minkejja li l-klieb ikunu għaddew minn trauma, xorta waħda tiżboq l-imħabba f’għajnejhom.
Rosalind Agius, li tmexxi s-santwarju, qalet li l-popolazzjoni dejjem tkun bejn wieħed u ieħor ta’ 80 kelb. Dan għaliex meta kelb isib familja li taddottah, minfloku jidħlu klieb oħra li jkun tħalla għall-rieħu fit-triq.
“Xi ħaġa li għandhom komuni dawn il-klieb kollha huwa li għaddew minn abbandun. Xi darba dawn il-klieb kollha kellhom familja li suppost kienet tħobbhom, però din il-familja ddeċidiet illi tarmijhom: Issa jew direttament fit-toroq jew ġabithom hawnhekk jew inkella ġew b’metodu ieħor, ikkonfiskati, ġifieri kienu f’post ħażin, ġew irrapurtati li żammuhom ħażin u jiġu hawnhekk”
Riċenti, is-santwarju laqa’ fih sitt iklieb mit-23 li ġew ikkonfiskati kmieni dan ix-xahar minn dar fil-Ħamrun. Agius spjegatilna kif waħda mill-klieb, waqt li kienet qed twelled, indunaw li kellha mard fl-intern u li kellhom jeħduha għall-operazzjoni immedjatament. Il-ħamest iklieb l-oħra kellhom infezzjonijiet fil-ġilda.
“It-tbatija li jgħaddu minnha hija enormi l-annimali. Triq tkun ġewwa santwarju, trid tkun voluntier biex tara x’kapaċi għadna nagħmlu fuq l-annimali; x’abbuż u x’moħqrija għad hawn”
Agius sostniet li daqs kemm ikollhom stejjer tal-biki ikollhom stejjer ta’ ferħ. Il-proċess għall-adozzjoni ta’ kelb huwa wieħed faċli, iżda, kull min se jadotta għandu jkun tassew ippreparat għal dak li jkun dieħel għalih.
“Aħna dejjem nipprovaw nadattaw il-kelb tajjeb ma’ dik il-familja, però minn naħa tal-familja trid tkun ċerta għal xiex se tidħol. Kelb jista’ jgħixlek anke 14, 15-il sena, ġifieri jekk mintix perparat għax-xogħol li ħa jagħtik il-kelb, tidħolx għalih. Minn naħa l-oħra kelb kapaċi jagħtik imħabba kbira”
Bħalissa dan is-santwarju għaddej b’kampanja ta’ neutering biex persuni li ma jaffordjawx isewwu u jagħmlu ċ-ċippa lil klieb tagħhom, jistgħu jikkuntattjaw lis-santwarju biex jibgħatulhom vawċer id-dar li jissarraf f’dawn is-servizzi. It-tiswija tal-klieb mhux biss tnaqqas il-possibilità ta’ abbandun imma wkoll tajba għal saħħet l-annimal.
Iżda fuq kollox, Rosalind kellha dan il-messaġġ għas-segwaċi kollha tagħna.
“Jekk tħobbhom l-annimali, tabbandunahomx”