Ġmiel il-Belt Valletta. Il-kapitali li fiha trabba Louis Henwood, fejn sab l-ewwel identità tiegħu bħala Belti.
Fil-bidu taż-żwieġ tiegħu mar joqgħod l-Isla, fejn qatta’ l-bqija ta’ ħajtu flimkien ma’ martu.
Il-forti Sant Anġlu fil-Birgu hija marbuta mal-memorji tiegħu.
F’żogħżitu, daħal fir-Royal Navy bħala baħri, tant li qatta’ kważi ħajtu kollha jaħdem fuq il-baħar – jidderieġi bastimenti ta’ kull tip mal-Merchant Navy u ħadem ukoll fil-Port il-Kbir fuq id-dgħajjes tat-turisti fejn kien jispjega l-imkejjen storiċi tal-Port u madwar il-gżejjer Maltin.
Il-Belt tal-Isla, kienet tant għal qalbu fejn inħatar bħala t-tieni Sindku tal-Isla bejn l-1997 sa l-1999.
Biex Louis Henwood, jibqa mfakkar fi Ġnien il-Gardjola, ġiet imwaqqfa plakka għall-memorja tiegħu. Iltqajna ma’ bintu Claire Bonello Henwood fejn tlabniha tgħidilna minn fejn nibtet l-idea ta’ din il-plakka. Hija qaltilna li tkellmet mas-Sindku attwali li flimkien mal-bqija tal-kunsilliera qablu dwar din il-plakka.
“Peress li l-papa mill-Belt, ħadem Sant Anġlu, kien Sindku tal-Isla u għamel ħafna affarijiet tajbin hawn l-Isla. Fl-10 t’April għalaq seba snin mejjet, fejn attendiet is-Segretarju Parlamentari Zerafa Civelli, sar festin, inkixfet din il-plakka u missieri se jibqa ħaj hawnhekk il-ġnien li tant kien iħobb.”