Tuneżina li qattgħet erbatax-il jum fi kwarantina f’lukanda f’San Ġiljan, kellha messaġġ ta’ ringrazzjament għall-ġenerożità tan-nies li għenuha fi żmien diffiċli.
“Allaħares ma kienx il-manager u mhux waħdi l-lukanda kważi kważi mimlija. Il-manager kien jgħin lili u jgħin lil kulħadd.”
Hayet Hamdi, li ilha għal dawn l-aħħar tliet deċenji tgħix f’pajjiżna, spjegat li hija tpoġġiet fi kwarantina wara li rritornat minn żjara mal-familja fit-Tuneżija.
Apparti l-amministrazzjoni tal-lukanda, il-komunità Tuneżina f’Malta u l-ġirien ta’ Hamdi wkoll kienu ta’ spalla f’dan il-mument.
“Nirringrazzja lill-Maltin, nirringrazzja lill-ambaxxata Tuneżina, nirringrazzja lill-ġirien li bdew jibagħtuli l-ilma, ġobon, tonn.”
Hija appellat ukoll biex kull min jista’, jagħti prodotti ssiġillati tal-ikel u xorb lil dawk li bħalissa jinsabu waħedhom fi kwarantina.