Raymond Vella irtira mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili fl-elfejn u sbatax wara servizz twil ta’ ħamsa u għoxrin sena.
Salva bosta persuni li kienu f’ħalq il-mewt u oħrajn li ħallew marka f’ħajtu wara li sabhom diġà mejta fuq il-post.
Is-Sur Vella kien wieħed mit-tmienja u għoxrin uffiċjal irtirat u għexiern ta’ uffiċjali oħra li għadhom fis-servizz li għall-ewwel darba ġew rikonoxxuti għall-ħidmiethom b’medalja.
Fl-istazzjon tax-Xemxija, Vella rrakkonta bosta ġrajjiet li ltaqa’ magħhom tul is-servizz tiegħu, fosthom meta daħlet telefonata li kien hemm grupp ta’ ħaddiema mit-Taqsima tad-
Drenaġġ li nqabdu taħt l-art fiċ-Ċirkewwa.
“Waħda partikolari, kienet diżgrazzja, meta morna biex insalvaw nipprovaw lil dawk li kienu dawk il-ħaddiema li kienu jaħdmu fit-taqsima tad-drenaġġ, iċ-Ċirkewwa. Naħseb hawn ħafna jiftakruh. Lilna l-call kienet daħlet waqa’ wieħed f’toqba just sular kollox u nsibu dik id diżgrazzja”, qal Raymond.
Irrakkonta wkoll li f’ħidmietu spiċċa mar fuq inċidenti li fihom kienu involuti persuni li kien jafhom mill-qrib.
“Jien waħda mill l-agħar esperjenzi li kelli kienet il-kamra ta-nar ta’ Birkirkara jien kont minn Birkirkara u nofshom kont nafhom u tista’ taħseb fil-fatt anke voluntier tlajt f’dik id-diżgrazzja li ma ninsiha qatt”, qal Raymond.
Iċ-ċerimonja saret ftit tal-jiem wara li d-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili kien kruċjali fil-grigalata kbira li laqtet lill-ġżejjer Maltin fi tmiem il-ġimgħa li għadda.
Il-Ministru għall-Intern u s-Sigurta Nazzjonali Michael Farrugia tkellem dwar l-investiment li għaddej fid-dipartiment biex jiġi mmodernizzat.
Id-Direttur tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili Emmanuel Psaila li wkoll ġie rikonoxxut għall-ħidma tiegħu, qal li diċ-ċerimonja tkompli tibni fuq dak li diġa sar.
“Fejn kienu qed jitkellmu għad-dritt ta’ trejd unjin, dritt tal-25 sena servizz, dritt ta’ insurance u pakkett addizzjonali ta’ finanzi. Illum hija xi ħaġa oħra addizzjonali ma’ dik il-katina illi miexja matul iż-żmien”.
Intant, is-Sur Vella appella lil dawk li se jissieħbu f’dan id-dipartiment biex jaħdmu qaqoċċa, li fi kliemu huwa wieħed mit-tliet pilastri fil-ħidma tal-protezzjoni ċivili flimkien mal-prattika u t-teorija.
“Meta jkollna argument u jinqala’ x-xogħol irridu ninsew dawk l -argumenti u d-differenzi. Tridu taħdmu teamwork u bħal aħwa”.