Sa tmiem din il-ġimgħa se jkun tħallas it-tieni pagament għat-tieni nofs tas-sena b’rabta mal-Benefiċċju Addizzjonali kontra l-Ogħli tal-Ħajja.
Fil-fatt, huma ftit aktar minn tmienja u disgħin elf familja jew ftit inqas minn mitejn elf persuna li flimkien se jkunu qegħdin jirċievu mas-sbatax-il miljun u mitt elf ewro.
Dan ħareġ f’konferenza tal-aħbarijiet mtella’ mill-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal fejn ġie nnutat kif mill-ewwel għat-tieni pagament żdiedu madwar tliet elef u ħames mitt familja oħra. Jirriżulta li dawn ma kellhomx il-informazzjoni stabbilita u b’hekk tħallsu l-pagamenti dovuti lilhom ta’ sena sħiħa.
Dawn il-pagamenti żiedu l-investiment totali matul din is-sena għal tlieta u tletin miljun ewro.
Dan il-benefiċċju jitħallas meta d-dħul tal-familji jitqabbel mas-sittin fil-mija tad-dħul medjan nazzjonali ekwivalizzat, li skont l-aħħar ċifri tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika ilaħħaq it-tmintax-il elf, mija u ħamsa u ħamsin ewro. Dan id-dħul jinbidel skont il-kobor tal-familja u l-etajiet tal-membri tagħha, filwaqt li d-dħul disponibbli ma għandux jeċċedi l-ħamsin elf ewro fis-sena.
Min hu eliġibbli għal dan il-benefiċċju se jkun qed jirċievi pagament li jvarja bejn mitt ewro u elf u ħames mitt ewro u iktar ma jkun id-dħul, inqas ikun il-pagament. Dan bil-għan li l-benefiċċju jgħin lil dawk l-aktar vulnerabbli fis-soċjetà.
Dan il-benefiċċju twessa biex issa jinkludi ukoll sitta u ħamsin elf familja li m’humiex f’riskju ta’ faqar.