It-tisħiħ tad-distribuzzjoni tal-elettriku fil-gżira Għawdxija għaddej ġmielu hekk kif sa tmiem din is-sena se jkunu tpoġġew mat-18-il kilometru ta’ cables ġodda.
F’tagħrif mogħti fil-Parlament mill-Ministru responsabbli Miriam Dalli, ingħad li, bejn is-sena li għaddiet u l-bidu ta’ din is-sena, diġà tqegħdu tmin kilometri minn dawn il-cables, fosthom biex tiġi kkonsolidata l-konnessjoni bejn ir-Rabat u Marsalforn.
Minbarra hekk għaxar kilometri oħra ta’ cables se jkunu qed isiru sa Diċembru li ġej. Hi kienet qed twieġeb mistoqsija mid-Deputat Chris Said.
Dan ifisser li sal-aħħar ta’ din is-sena se jkunu tpoġġew b’kollox 18-il kilometru, ammontat sostanzjali meqjus li fil-pajjiż kollu tpoġġew aktar minn 30 kilometru, fl-investiment sħiħ ta’ madwar 60 kilometru, kif irrapportat riċentament.