Sal-aħħar ta’ din is-sena, Malta se tkun użat tmenin fil-mija tal-fondi Ewropej, mill-fondi għas-snin bejn l-elfejn u erbatax u l-elfejn u għoxrin.
Dan huwa sebgħa fil-mija aktar meta mqabbel mal-fondi għas-snin ta’ bejn l-elfejn u sebgħa u l-elfejn u tlettax; l-aħħar programm ta’ fondi Ewropej fi żmien Gvern Nazzjonalista.
Dan ħareġ waqt laqgħa fi Brussell bejn il-Kummissarju Ewropew għall-Koeżjoni u r-Riformi, Elisa Ferreira u s-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej, Chris Bonett.
Il-Kummissarju Ewropew faħħret l-implimentazzjoni tal-fondi Ewropej allokati għal Malta.
Dwar dan, ONE News tkellem mas-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-fondi Ewropew, Chris Bonett.
Qal, “Aħna kburin li nagħmlu proġetti bil-fondi Ewropej, tant hu hekk li meta ltqajt mal-Kummissarju Fereira f’dawn l-aħħar ġranet innutat, għamilna progress kbir fix-xogħol li għamilna bil-fondi Ewropej tant li lħaqna t-80% tal-flus użati meta fadlilna sena oħra biex jagħlaq.”
Bil-programm kurrenti, Malta implimentat diversi proġetti ta’ investiment f’oqsma bħall-ambjent, it-turiżmu, is-saħħa, l-edukazzjoni u f’infrastruttura pubblika oħra.
Qal, “U nieħdu pjaċir illi naraw speċjalment is-Segretarjat tiegħi meta naraw li l-Kummissarju Fereira tgħidilna li hija impressjonata bix-xogħol li qegħdin nagħmlu b’dawn il-fondi u fuq kollox anki meta wgħedniha li ħa nagħlqu l-programmi l-ġodda sa Diċembru li ġej u dawn għalaqnihom f’Ottubru li għadda, jiġifieri għalaqnihom tliet xhur qabel ma ftehemna mal-Kummissjoni. Dak juri u qed juruna mill-Kummissjoni Ewropea li jafdawna u jieħdu gost jaħdmu magħna.”