Sa tmiem din is-sena huwa stmat li f’Malta se jkunu waslu b’kollox madwar żewġ miljun u mitejn elf turist.
Ħabbar dan il-Ministru għat-Turiżmu, Clayton Bartolo, meta fil-Parlament kienu qed jiġu diskussi l-estimi finanzjarji tal-Ministeru li jmexxi.
Din ir-rata hija ferm aktar mid-doppju tal-wasliet li ġew irreġistrati s-sena li għaddiet u saħansitra aktar minn dak li kien qed jiġi previst għal din is-sena.
Ġie nnutat ukoll kif, fl-ewwel disa’ xhur ta’ din is-sena, it-turisti li ġew f’Malta qattgħu aktar minn tnax-il miljun u seba’ mitt elf lejl.
Filwaqt li elenka bosta proġetti li twettqu jew li għadhom se jitwettqu sabiex il-qasam turistiku f’pajjiżna jibqa’ jissaħħaħ, il-Ministru qal li fix-xhur li ġejjin Malta se tilħaq id-89 fil-mija tal-konnettività bl-ajru li kellna qabel il-pandemija.
“Il-miri huma ċari u ffukati: li nkomplu nkattru l-konnettività bl-ajru billi nżidu n-numru tar-rotot u l-frekwenza tar-rotot eżistenti sabiex ikollna airline capacity adegwata għal pajjiżna. Irridu nwessgħu l-attività tal-marketing tagħna f’aktar swieq u segmenti bħalma huma t-turiżmu sportiv, it-turiżmu kulturali u dak reliġjuż, hekk kif dawn qed ikomplu jiftħu u jirkupraw.”
Dwar dan, il-Ministru Bartolo qal li, għall-iskeda tax-xitwa, hemm aktar minn sebgħin rotta diretta minn u lejn Malta.
Intant, fis-seduta tkellem ukoll id-Deputat tal-Gvern Edward Zammit Lewis, li nnota li t-turisti qed jibqgħu jżuru pajjiżna anke fix-xhur tax-xitwa.
“Mill-2013 ’l hawn rajna żieda qawwija fin-numri tat-turisti u din żiedet ir-relevanza ta’ kif il-pajjiż jorganizza ruħu. Il-fatt li n-numri qed jiġu anke fi staġuni xitwin kienet rebħa kbira li qed nippruvaw ninnormalizzaw it-turiżmu, u b’hekk il-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema żdiedu.”
Issemmiet ukoll l-importanza tal-ospitalità, u ntqal li din is-sena mistennija jiggradwaw rekord ta’ tliet mija u ħamsa u erbgħin student mill-ITS.
Id-Deputat Laburista Ray Abela rrefera għall-bosta niċeċ turistiċi differenti, fosthom l-industrija tal-films, li min-naħa tagħha din is-sena se tħalli l-akbar introjtu għall-ekonomija f’dawn l-aħħar ħames snin. Huwa saħaq dwar kemm huwa importanti li pajjiżna jkompli jżid u jsaħħaħ dawn in-niċeċ turistiċi.
“Nibqgħu ffukati u nibqgħu ninvestu fir-riżorsi tagħna u nippromwovu lil pajjiżna bħala destinazzjoni ta’ eċċellenza. Id-diversifikazzjoni fil-prodott turistiku wkoll hi importanti u naħdmu fuq niċeċ turistiċi ġodda u dawk li għandna.”
Min-naħa tiegħu, id-deputat Omar Farrugia nnota kif fi żmien ta’ sifidi internazzjonali, fosthom anke minħabba l-pandemija, il-gvern Laburista kien ta’ spalla kbira għas-settur turistiku.
“Tajna l-akbar sostenn fl-Ewropa f’dan iż-żmien kruċjali. Grazzi ta’ dawn il-passi kuraġġużi konna l-aktar pajjiż preparat biex, meta tgħaddi l-mewġa tal-pandemija, nerġgħu nilqgħu lit-turisti u nagħmlu hekk b’mod organizzat.”