Sa tmiem din il-ġimgħa se jsiru aktar ħlasijiet tal-allowance tal-istudenti li jibqgħu jistudjaw wara l-edukazzjoni Sekondarja. Dan tħabbar fi stqarrija mill-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, fejn intqal li dan se jsir b’investiment ta’ kważi tliet mitt elf ewro lil ħames mija, erbgħa u sebgħin (574) familja oħra.
Permezz ta’ din il-miżura qed tkompli titwettaq wegħda oħra elettorali, hekk kif il-Gvern Laburista qed jinvesti €1,500 fuq tliet snin lil dawk il-ġenituri ta’ studenti li jkomplu jistudjaw wara l-età obbligatorja.
Intqal li, b’kollox, l-ammont ta’ familji li bbenefikaw s’issa qabeż l-għaxart elef, waqt li n-numru ta’ studenti eliġibbli laħaq il-ħdax-il elf. Fuq dan il-benefiċċju biss s’issa ġew investiti mal-ħames miljun u nofs ewro.
Il-Ministeru qal li l-familji, li qed jitħallsu fi tmiem il-ġimgħa, jinkludu dawk li wliedhom jistudjaw f’istituzzjonijiet edukattivi privati jew barranin u każi oħrajn li ma kinux tħallsu f’Mejju, minħabba li l-informazzjoni dwarhom kienet għadha mhux aġġornata.
Intqal li għad baqa’ 472 każ ieħor li qed jiġu vvettjati, fejn qed isir tqabbil bejn id-data tad-Dipartiment tal-Edukazzjoni u dik tas-Sigurtà Soċjali.
Il-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal sostna li qed jagħmel kull sforz biex dan il-proċess jiġi konkluż fl-iqsar żmien possibbli.