Sa tmiem ix-xahar id-dieħel, il-Ministeru għall-Politika Soċjali se jkun implimenta 90 fil-mija mill-miżuri tal-Budget għal din is-sena, li tħabbar f’Ottubru li għadda.
Dan tħabbar mill-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, Michael Falzon, waqt konferenza tal-aħbarijiet bit-tema ‘Inwettqu Flimkien’.
Il-Ministru Michael Falzon qal li dan it-twettiq tal-miżuri tal-Budget juri kemm il-Gvern qiegħed iwettaq dak li jwiegħed u jħalli impatt fuq il-kwalità tal-ħajja tal-Maltin u l-Għawdxin.
Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Politika Soċjali, Mark Musu, spjega liema miżuri twettqu fix-xhur ta’ Jannar u Frar, li jgħoddu għal kważi 82 fil-mija tal-miżuri tal-Budget għal din is-sena.
Fil-bidu ta’ din is-sena, madwar 100,000 pensjonant gawdew minn żieda għall-pensjonanti ta’ €12.50 kull ġimgħa. B’mod gradwali, il-bonus għall-għoli tal-ħajja jibda jitħallas sħiħ lill-pensjonanti kollha li rtiraw wara l-2008, li jammontaw għal madwar 56,000 pensjonant.
Apparti minn hekk, kien hemm żieda ta’ €90 għal kull wild fiċ-children’s allowance, li se tiżdied b’€450 għal kull wild sal-aħħar ta’ din il-leġiżlatura. B’kollox minn din qed igawdu madwar 44,000 familja b’65,000 tifel u tifla.
Fl-istess xahar, persuni li jgħixu fuq l-assistenza soċjali, li jgħoddu għal madwar 6,000 persuna, irċivew iż-żieda sħiħa għall-għoli tal-ħajja. Dan apparti li kien hemm titjib fit-tapering tal-benefiċċji.
Fi Frar, kien hemm żdieda fil-pensjoni tas-servizz. Barra minn dan, ħaddiema li jkunu qed jirċievu pensjoni tar-romol għax ikunu romlu ta’ età żgħira issa huma intitolati għall-benefiċċji kontributorji tal-qgħad, tal-mard, jew tal-korriment fuq ix-xogħol jekk jiġu bżonnhom u skont il-ħlas tal-bolla.
Il-Gvern ta wkoll żieda ta’ €50 lill-persuni li jkunu laħqu l-età tal-irtirar iżda li ma jikkwalifikawx għall-pensjoni – minn dan gawdew s’issa 38,000 anzjani.
Miżura oħra li ddaħħlet hija dik li l-Foster Care Allowance issa mhux se jieqaf immedjament malli l-ġenitur jaddotta.
Mark Musù qal ukoll li, fl-ewwel sena ta’ din il-leġiżlatura, diġà twettqu 39 fil-mija tal-miżuri soċjali tal-manifest elettorali tal-Gvern.